Iqum mill-‘mewt’ fil-kamra mortwarja

L-awtoritajiet Kenjani niedew investigazzjoni dwar kif raġel li kien dikjarat mejjet fi sptar, instab ħaj l-għada fil-kamra mortwarja.

Il-ħaddiema tal-kamra mortwarja f'dan l-isptar fil-Kenja ħadu l-qatgħa ta' ħajjithom u telqu jiġru u jgħajjtu, hekk kif indunaw li dan il-'katavru' kien qed jiċċaqlaq u jieħu n-nifs.

Il-pazjent huwa Paul Mutora li pprova joqtol lilu nnifsu billi bela’ tip ta' insettiċida. Huwa kien dikjarat mejjet fl-istess sptar il-lejl ta' qabel.

Il-kap tat-tobba qal li bil-mediċina li ngħata, qalb ir-raġel bdiet tħabbat b'rata aktar baxxa, u qal li din setgħet wasslet għall-iżball li ħasbu li kien miet. Huwa semma kif ir-raġel ġie salvat qabel ma kien se jibda jitkeffen.

Il-qraba tar-raġel Kenjan kienu diġà bdew it-tħejjijiet għall-funeral tiegħu.

Wara li ħareġ mill-kamra mortwarja, Paul Mutora skuza ruħu ma' missieru għall-qatgħa li tah għalxejn.