Waqt li l-Pulizija ċaħdet li heddet lill-whistleblower Jonathan Ferris, wieħed mill-avukati tiegħu ppubblika l-mandat ta’ arrest li l-Maġistrat tal-Għassa ffirmat jumejn qabel ma ġie kkuntattjat Ferris għall-interrogazzjoni.
Fi stqarrija maħruġa għall-ħabta tas-7:30 pm il-Pulizija qalet li ċemplet lil eks spettur u eks impjegat tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) Jonathan Ferris dwar l-inkjesta fil-kumpanija Egrant fis-7 ta’ Awwissu. Wieħed mill-avukati ta’ Ferris, Dr Jason Azzopardi qal li l-istqarrija tal-Pulizija hija malizzjuża u li fiha l-gideb.
Skont il-Pulizija “Ferris ingħata ġurnata u ħin biex issir din l-interrogazzjoni”. Ferris imbagħad qal li l-avukat tiegħu kien imsiefer. Skont il-Pulizija, Ferris seta’ jġib avukat tiegħu jew inkella “jingħata appuntament ieħor konvenjenti għalih”.
Il-Pulizija saħqet li qatt ma heddet lil Ferris b’arrest. Il-Pulizija kkwotat lil Ferris jgħid li jekk kien każ urġenti setgħu joħorġu mandat u f’dak il-każ ma kienx ikun jista’ jgħidilhom “mod ieħor”.
Fuq Facebook, Dr Azzopardi qal li filwaqt li l-Pulizija qed tiċħad li Ferris ġie mhedded b’arrest, ir-ritratt tal-mandat juri l-kontra ta’ dan. Spjega li l-mandat ħareġ 48 siegħa qabel sejħu lil Ferris biex isirulu l-mistoqsijiet. Azzopardi qal li l-Pulizija għandha aġenda moħbija.
Fi kliem il-Pulizija saru ħames telefonati bejn Ferris u l-Pulizija. Qalet li erbgħa minnhom għamilhom Ferris. Intqal li l-ħames telefonati “huma kollha rrekordjati fuq in-numru tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija”. Il-Pulizija qalet ukoll li meta jinħareġ mandat għall-arrest skont il-liġi, dan m’għandux jitqies bħala theddida.
Ma’ Newsbook.com.mt Jonathan Ferris qal li l-investigaturi qalulu li jekk ma jmurx għall-interrogazzjoni, kienu se ”jimxu mod ieħor”.
On behalf of Mr Jonathan Ferris, both myself & Dr Kris Busietta, whilst making ref to the press release issued now by…
Posted by Jason Azzopardi on Friday, August 10, 2018