Ippubblikati sett ta’ indikazzjonijiet għall-festi f’Għawdex

Read in English.

Il-kulleġġ tal-kappillani tad-Djoċesi ta’ Għawdex ippubblika sett ta’ indikazzjonijiet dwar dak li għandu x’jaqsam mal-jum tal-festa patronali u mal-jiem li jħejju u jwasslu għal jum il-festa.

Dawn ġew imqassma lill-parroċċi kollha f’Għawdex minħabba ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi li jsiru fis-sajf u li minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-coronavirus f’Malta qed ikun hemm restrizzjonijiet li ġew imħabbra aktar kmieni. Jingħad li dak kollu miktub huwa suġġett għall-permessi mill-awtoritajiet tas-saħħa.

L-indikazzjonijiet primarjament għandhom x’jaqsmu mal-festi interni organizzati mill-knejjes iżda jagħmlu referenza wkoll għall-festi esterni.

Dwar il-pellegrinaġġ ta’ radd il-ħajr, il-kappillani qablu li dan għandu jsir f’ħin filgħaxija u bl-iktar mod sempliċi u devot. Dan billi matul il-pellegrinaġġ isir biss talb u kant bil-pellegrinaġġ jgħaddi mit-toroq li minnhom is-soltu tgħaddi l-purċissjoni tal-festa.

Dwar il-festi esterni, il-kappillani qablu li jkun hemm xi tip ta’ armar fit-toroq iżda qalu li jistax ikunx hemm daqq tal-banda jew ta’ sistemi oħra ta’ sound u li m’għandha ssir ebda manifestazzjoni jew attività esterna oħra, taħt ebda forma.

Intqal ukoll li l-parroċċi, ir-rettoriji u l-komunitajiet reliġjużi m’għandhomx jixtru xogħol pirotekniku jew jorganizzaw ħruq ta’ nar. Barra minn hekk, dawn l-istess m’għandhom jagħtu ebda kontribut finanzjarju jew prattiku, dirett jew indirett, f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri jew mal-ħruq tan-nar.

Il-baned ma jaqblux

L-Għaqda Każini tal-Baned ma qablitx ma’ dawn id-deċiżjonijiet. Filwaqt li qalet li se timxi mal-istruzzjonijiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, l-għaqda qalet li kitbet lill-awtoritajiet tal-Knisja f’Għawdex biex issir laqgħa.

Qalet li din għadha ma saritx u saħqet dwar l-irwol importanti li l-baned għandhom fit-tradizzjonijiet, fil-kultura, fil-festi u flistorja soċjali ta’ Malta sa mis-Seklu 19.

L-Għaqda qalet li tħoss li jekk l-attivitajiet tal-Knisja se jsiru barra, il-baned għandhom jieħdu sehem ukoll u qalu li dan dejjem jekk jingħata l-permess mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.