Ippubblikati regolamenti ġodda dwar l-Avukat tat-Tfal

Wara snin ta’ stennija, mil-lum daħal fis-seħħ Avviż Legali li se jkun qed jirregola l-irwol tal-Avukat tat-Tfal. Bidla li permezz tagħha issa min se jokkupa din il-kargia verament se jkun rappreżentant legali tat-tfal, u mhux espert tal-Qorti.

Fi stqarrija l-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li hekk kif, sa issa, l-Avukat tat-Tfal kien ħafna drabi meqjus bħala espert tal-Qorti tal-Familja, sabiex jiġi ppreparat rapport wara li tkun instemgħet il-verżjoni tat-tfal b’mod kunfidenzjali. Permezz ta’ dan ir-rapport, imbagħad il-Qorti tkun tista’ tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji waqt il-proċeduri ta’ separazzjoni jew waqt proċeduri ta’ kura u kustodja u aċċess tal-minuri.

Issa, il-minorenni se jkollhom rappreżentanza legali, li tfisser li l-irwol tal-Avukat tat-Tfal ġie ċċarat, u sar wieħed rappreżentattiv, fejn dan jassisti lill-minuri, u dejjem jaġixxi fl-aqwa interess tagħhom.

Il-Ministeru għall-Ġustizzja flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, se jkun qed jipprovdi taħriġ speċjalizzat biex wieħed ikun jista’ jinħatar bħala Avukat tat-Tfal.