Ippubblikati r-reġistri elettorali għall-elezzjonijiet

Il-Kummissjoni Elettorali ppubblikat ir-Reġistri Elettorali riveduti għall-Elezzjonijiet Ġenerali, għall-Kunsilli Lokali u għall-Unjoni Ewopea fil-Gazzetta tal-Gvern tas-27 t’Ottubru 2020.

F’dawn ir-Reġistri Elettorali hemm imniżżlin il-persuni kollha li huma kwalifikati biex ikunu reġistrati bħala votanti. Id-data tal-għeluq kienet it-30 ta’ Settembru, 2020.

Il-Kummissjoni Elettorali tixtieq tavża li dawk li isimhom, l-indirizz jew xi partikolaritajiet tagħhom mhuwiex b’mod korrett jista’ jagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur biex ismu jiġi inkluż jew issir il-korrezzjoni meħtieġa sas-17 ta’ Novembru, 2020.  

Kull votant reġistrat li jgħid li, minħabba xi raġuni legali, l-isem ta’ xi persuna għandu jinqata’ barra mir-reġistru għax din m’għandhiex il-kwalifiki meħtieġa jew jgħid li l-isem, l-indirizz jew xi partikolaritajiet oħra rispettivi ta’ xi persuna mhumiex murija b’mod korrett fir-reġistru jista’ jagħmel appell ukoll lill-Uffiċjal Reviżur sas-17 ta’ Novembru, 2020.

Kull persuna li tixtieq tagħmel appell lill-Uffiċjal Reviżur tista’ tikseb għajnuna mill-Uffiċċju Elettorali. Żiedu li kulħadd huwa mfakkar dwar l-importanza li jivverifika li ismu ġie inkluż fir-Reġistru Elettorali u li jekk dan ma jsirx, jista’ jiġri li persuna ma tkunx intitolata għall-vot meta jsiru elezzjonijiet, kemm dawk ġenerali kif ukoll għall-kunsilli lokali, għall-Parlament Ewropew jew referenda.

Il-KE qalet li wieħed jista’ jara r-reġistri kollha fl-Uffiċċju Elettorali. Ir-reġistri jkunu wkoll għall-bejgħ mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bħala volumi. Wieħed jista’ jara jekk hux reġistrat bħala votant f’dawn ir-reġistri billi jidħol onlajn fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni Elettorali, fis-sezzjoni ‘Pubblikazzjonijiet’ u jagħfas il-buttuna ‘Nista’ nivvota?’ jew il-buttuna ‘Fittex fir-Reġistri’.

Fl-14 t’Ottubru li għadda l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ta x’jifhem li l-elezzjoni ġenerali jaf hi fil-qrib.