Ippubblikata l-proposta tal-PPE dwar l-immigrazzjoni għall-Gvernijiet Ewropej

Read in English.

Il-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew fil-Parlament Ewropew għadu kemm nieda dokument li permezz tiegħu se jkun jista’ jinfluwenza l-politika Ewropea dwar l-immigrazzjoni u l-ażil. Miktub mill-MEP Maltija Roberta Metsola, dan id-dokument ta’ 9 paġni jiġbor fi ħdanu l-politika tal-PPE għall-immigrazzjoni. L-uffiċċju ta’ Metsola qal lil Newsbook.com.mt li d-dokument ġab l-approvazzjoni ta’ kulħadd anke ta’ pajjiżi meqjusa “diffiċli” bħall-Ungerija, il-Polonja, il-Ġermanja u l-Isvezja.

Id-dokument jindirizza r-raġunijiet li jimbuttaw il-persuni biex jitilqu minn pajjiżhom billi jkun hemm investiment robust fl-Afrika iżda jiżgura li l-għajnuna li tingħata tkun marbuta mal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta’ immigrazzjoni.

Il-prinċipji tad-dokument huma dawn:

– Qafas ġdid għall-qsim ġust tar-responsabbiltà bejn l-Istati Membri kollha bbażat fuq solidarjetà ġenwina li tiżgura li Malta, l-Italja u l-Greċja ma jitħallewx waħedhom;

– Neqirdu darba għal dejjem in-netwerks tat-traffikar tan-nies u l-kuntrabandu;

– Ir-ritorn ta’ dawk in-nies li mhumiex eliġibbli għall-protezzjoni lura lejn pajjiżhom b’mod sikur;

– Nħarsu l-fruntieri esterni tagħna permezz ta’ skjerament aktar mgħaġġel ta’ 10,000 gwardja tal-fruntiera;

– Niżguraw li ħadd ma jmut fuq il-baħar. Nenfasizzaw li din hija soluzzjoni globali u l-portijiet kollha siguri fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran għandhom ir-responsabbiltà għall-iżbark;

– Il-ħolqien ta’ mezzi legali għal dawk li huma meħtieġa jaħdmu fl-Ewropa u għal dawk li għandhom bżonn protezzjoni biex ifittxu l-ażil anke barra l-Ewropa, fis-sens li ma jkollhomx għalfejn jitilgħu fuq dgħajsa u jirriskjaw ħajjithom;

Soluzzjoni Permanenti

Bħalissa grupp ta’ 56 immigrant ġew salvati fil-Mediterran u tpoġġew fuq vapur Malti ‘il barra mix-xtut Maltin. Metsola tgħid li ħajjithom u saħħithom mhumiex f’riskju immedjat. Qalet li din hija miżura temporanja u m’hijiex soluzzjoni aħħarija. Kien għalhekk li saħqet li hemm bżonn soluzzjonijiet permanenti.

L-ewroparlamentari Metsola insistiet mal-Prim Ministru Abela biex iwarrab il-politika partiġġjana u jappoġġja l-pjan il-ġdid li jagħti viżjoni ta’ kif il-qsim tar-responsabbilta jista’ jiġi addottat mill-UE.

“M’hemmx ħin x’naħlu. Irnexxielna nipperswadu il-Grupp parlamentari tal-PPE kollu, issa hemm bżonn li l-gvernijiet tal-UE jirreaġixxu wkoll u hemm bżonn li l-Gvern tagħna jżid l-isforzi tiegħu f’din id-direzzjoni. Ma nistgħux naffordjaw li jkollna erba’ ewro-deputati Laburisti jivvutaw bi tlett modi differenti fuq dawn il-kwistjonijiet tant kruċjali u ma nistgħux naffordjaw li n-negozjati diplomatiċi tagħna jkunu mminati minn rapporti mingħajr tweġiba dwar ritorn ta’ immigranti lejn il-Libja minn persuni privati imqabbda b’mod sigriet.”