Ippubblikata l-ittra tar-riżenja ta’ Cardona

Luke Zerafa

Read in English.

Il-Partit Laburista t-Tnejn filgħaxija ppubblika l-ittra ta’ riżenja ta’ Dr Chris Cardona minn Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li waqt laqgħa tal-amministrazzjoni ġie deċiż li tiġi ppubblikata l-ittra ta’ riżenja. Fakkar li skatta wkoll proċess biex timtela l-kariga ta’ Deputat Mexxej ġdid għall-affarijiet tal-PL.

Fi stqarrija separata l-PL qal li waqt laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit, ġiet approvata proposta mressqa mill-amministrazzjoni sabiex titressaq mozzjoni ta’ emenda quddiem Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista.

Nhar l-Erbgħa li għadda, kelliem għall-Partit Laburista qal ma’ Newsbook.com.mt, li l-ittra ta’ riżenja ta’ Chris Cardona hija kwistjoni interna u għaldaqstant ma kienx f’pożizzjoni li jgħaddiha lil din il-kamra tal-aħbarijiet.

Fl-istess jum, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li Chris Cardona ntalab jirreżenja minn Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit it-Tlieta.

L-eks Ministru għall-Ekonomija ntalab jirreżenja mill-Prim Ministru stess wara li ismu baqa’ jissemma fil-proċeduri fil-qorti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Cardona kien u baqa’ jgħid li qed isir frame-up fuqu.

Fuq Facebook tiegħu huwa xerred stampa ta’ rapport mill-qorti fuq ix-xhieda ta’ Melvin Theuma waqt l-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista. Theuma, li huwa s-sensar tal-assassinju u li ngħata l-maħfra presidenzjali biex jgħid kulma jaf, ġie mistoqsi jekk qatt rax lil Cardona fit-tinda tal-patata tal-aħwa Degiorgio fil-Marsa. Alfred u George Degiorgio huma akkużati li wettqu l-qtil tal-ġurnalista.

Theuma stqarr li lil Cardona qatt ma rah hemmhekk. Żied jgħid li Johann Cremona, is-sieħeb ta’ Yorgen Fenech fin-negozju, darba qallu biex jgħid li hu [Theuma] irċieva l-flus mingħand Cardona. Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista. Theuma ssokta jgħid li hu żamm ma’ din il-verżjoni, li Cardona tah il-flus, peress li Cardona kien qed jissemma fl-aħbarijiet minħabba l-allegazzjonijiet li huwa żar il-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta kien imsiefer fuq xogħol ministerjali.

Fl-aħħar jiem, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li jemmen li l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit m’għandux ikun Membru Parlamentari.

Jiskatta l-mekkaniżmu għall-bidla fl-istatut dwar il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit

Il-PL qal li l-mozzjoni li se titressaq f’isem l-eżekuttiv tipproponi bidliet fil-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

“Kien hemm qbil unanimu mill-eżekuttiv li l-mozzjoni ta’ emenda tipproponi li l-kariga ta’ deputat mexxej għall-affarijiet tal-partit laburista ma tiġix okkupata minn membri parlamentari. Barra minn hekk, min jokkupa din il-kariga mhux se jitħalla joħroġ għall-elezzjoni ġenerali sakemm ikun ilu sentejn li spiċċa mill-istess kariga,” qal il-PL.

“L-idea hi li mmorru għall-istatut kif kien snin ilu, li jkollok persuna ffukata fuq il-ħidma tal-partit. Li jkollna deputat mexxej iffukat kompletament fuq il-ħidma tal-partit, din hija sistema li ħadmet ħafna fil-passat. Dawn huma l-ideat li jridu jiġu diskussi għada. Dan huwa partit miftuħ għall-ideat fejn niddibattu, niddiskutu u naslu għad-deċiżjoni fl-aqwa interess tal-partit,” qal il-Mexxej Laburista Robert Abela.

Il-Konferenza Ġenerali Straordinarja se titlaqqa’ fis-26 ta’ Ġunju bl-elezzjonijiet għall-Deputat Mexxej u l-membri tal-amministrazzjoni jsiru fit-18 ta’ Lulju.