Ippubblikata l-ittra li timplika lil Schembri fl-assassinju

Read in English.

Wara li t-Tnejn Newsbook.com.mt ħabbar esklussivament illi Melvin Theuma kien kiteb ittra li tgħid li kemm Yorgen Fenech u anke Keith Schembri kellhom x’jaqsmu mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, it-Tlieta l-ġurnal Times of Malta ppubblika kopja tagħha fil-faċċata tal-gazzetta.

Theuma kien kiteb din l-ittra għax beda jibża’ li joqtluh. Sorsi infurmati qalu li flimkien mal-ittra ġew iddepożitati kopja tat-tapes li kien irrekordja.

Ritratt: Times of Malta

Il-ġurnal Times of Malta rrapporta kif din l-ittra nstabet mill-Pulizija wara tfittxijiet fil-propjetà tas-sid tal-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech. Fenech qed jiġi akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Caruana Galizia.

L-ittra hija miktuba bl-idejn tikkonferma dak li qal Newsbook.com.mt lbieraħ, jiġifieri li Theuma kien qed jibża’ li kien hemm min qed jippjana li joqtlu sabiex jgħatti xturu. Barra li kiteb l-ittra beda jgħid li huwa kien kiteb ittra fejn ta d-dettalji kollha ta’ x’ġara u l-isem ta’ min kellu x’jaqsam. Huwa poġġa l-ittra f’post sigur. Fl-istess post Theuma poġġa wkoll kopja tat-tapes, fosthom dawk li fihom irrekordja konverżazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech, li qed jiġi akkużat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Theuma għamel kopja u taha lil persuna oħra.

Is-sensar għamel dan kollu bit-tama li dawk li kienu parti mill-komplott jagħrfu li jekk huwa jinqatel l-informazzjoni dwar dak li ġara tkun għadha teżisti u dak li kien jaf hu ma kienx jindifen miegħu. Huwa emmen li dan kollu jkun ta’ deterrent u li allura huwa ma jinqatilx.

“Dak li għamel Theuma kien tip ta’ insurance li jidher li rnexxiet”, qalulna s-sorsi tagħna.

Għaldaqstant, l-ittra ma għandhiex data ta’ meta nkitbet u l-kontenut tar-rekordings li tagħmel referenza għalihom mhux magħrufa. L-ittra tgħid ukoll li Theuma kien ingħata xogħol mal-gvern, iżda wara li għamel xogħolu bħala sensar, Schembri keċċih meta ra li ma kellux aktar użu għalih.

L-ittra għand il-Maġistrat

Din l-ittra u d-dokumenti l-oħra llum qegħdin għand il-Maġistrat inkwirenti. Għand il-maġistrat hemm ukoll it-tapes bir-rikording. Fost ir-rekordings hemm dawk ta’ konverżazzjonijiet ma’ Yorgen Fenech li mistennija jkunu ta’ importanza kbira fil-każ. Iżda l-avukati ta’ Yorgen Fenech qalu riċentement fil-Qorti li hemm ittri, tape rikordings u kuntratt li jinkriminaw lil Keith Schembri.

Theuma qassam il-wirt tiegħu f’Diċembru tal-2017

Il-ġurnal Times of Malta kien irrapporta kif Theuma kien iddeċieda li jqassam il-wirt tiegħu f’Diċembru tal-2017, ftit wara li George Degiorgio, Alfred Degiorgio u Vince Muscat ġew arrestati u akkużati li kienu dawk li wettqu l-assassinju. Qal ukoll li Theuma kien qal lill-Pulizija dwar l-ittra meta kien qed jiġi interrograt.

Minkejja dan, sors tal-ġurnal qal li Theuma kien qal lill-investigaturi li semma lil Schembri sabiex ibeżża’ lil Fenech. Meta ntalab jagħti aktar informazzjoni dwar l-involviment ta’ Schembri, Theuma qal li ma kellux informazzjoni diretta li Schembri kien involut fl-assassinju imma li jaħseb li dan kien il-każ.

“Oħroġ mis-sodda u arresta lil Schembri” – Busuttil

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex joħroġ mis-sodda u jarresta lil Keith Schembri b’mod immedjat. Qallu sabiex miegħu jarresta wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat talli impjega raġel kriminal fl-uffiċċju tiegħu. Sostna li Malta mhix sigura b’dawn it-tip ta’ persuni jiġru fit-toroq.

‪POLICE COMMISSIONER: GET OUT of your bed and ARREST Keith Schembri NOW, and with him, that other crook Joseph Muscat…

Posted by Simon Busuttil on Monday, December 2, 2019