Ippubblikata l-ittra li Mons Grech irċieva mill-Papa

Bishop-MArio-Grech

Read in English.

Monsinjur Mario Grech illum kellu udjenza privata mal-Papa Franġisku fil-Palazz Appostoliku fil-Belt tal-Vatikan f’Ruma.

Monsinjur Grech huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet, se jkun maħtur Kardinal fit-28 ta’ Novembru li ġej. Il-Ħadd li għadda l-Papa Franġisku ħabbar li se jiġu maħtura 13-il Kardinal ġdid fosthom Mons. Mario Grech.

Għal din l-okkażjoni l-Papa kiteb ittra lill-Mons. Mario Grech. F’din l-ittra l-Papa Franġisku qal lill-Monsinjur Grech li t-tama tiegħu fil-vokazzjoni li Mulej qiegħed isejjaħlu għaliha tkun li jisseddaq fl-umiltà u fl-ispirtu tal-qadi. Kompla li, ‘dan hu li l-Mulej għallimna ngħidu meta nkunu wettaqna xogħolna, u biex ma nitolbu ebda ħlas ħlief dan, u l-grazzja li ġejna magħżula biex naqdu.’ Żied li jitlob li dan ikun il-ferħ illum u kull ġurnata ta’ ħajtu biex fl-aħħar lill-Mulej ikun jista’ jgħidlu li huwa qatt ma poġġa l-musbieħ tiegħu taħt il-modd.

Ix-xewqat sbieħ u l-messaġġi ta’ qrubija ilqagħhom b’umiltà

Il-Papa Franġisku tah parir biex ix-xewqat sbieħ u l-espressjonijiet ta’ qrubija jilqagħhom b’sempliċità. Huwa wiegħdu li se jżommu fit-talb tiegħu u talbu biex huwa jagħmel l-istess.

Monsinjur Mario Grech għada se jkun qiegħed jingħata merħba fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malti minn delegazzjoniji magħmula minn rappreżentanti min-Nunzjatura Appostolika u miż-żewġ Djoċesijiet.