Ippubblikata l-ittra li l-Gvern bagħat lill-Kummissjoni Venezja

Aġġornat 09:00 AM
European Union, 2019

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ippubblika l-ittra mingħajr data li huwa qal li bagħat lill-Kummissjoni Venezja f’isem il-Gvern Malti. Il-Ministru sejjaħ dan bħala “pass storiku fid-demokrazija ta’ Malta” hekk kif f’din l-ittra l-Gvern fisser il-kunċetti leġislattivi li bihom irid iwettaq riformi estensivi b’mod partikolari fil-qasam tal-Ġudikatura.

Minkejja li l-Ministru sejjaħ din l-ittra bħala riżultat ta’ taħdidiet li diġà twettqu mal-istess Kummissjoni fil-ġimgħat li għaddew, il-ġimgħa li għaddiet, ir-rapporteur dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u s-Saltna tad-Dritt f’Malta, Pieter Omtzigt, qal li hu qatt ma rċieva xi dokumenti bi proposti.

Fl-istqarrija il-Gvern qal li ra li ma jabbandunax it-tradizzjonijiet legali tan-nazzjon, iżda li jissaħħu s-sistemi eżistenti, billi din tkun evoluzzjoni fid-demokrazija ta’ pajjizna, fost oħrajn, billi jiżdiedu u jissaħħu l-iskrutinji fis-sistema istituzzjonali Maltija. Dan ukoll fl-isfond ta’ dak propost mill-Kunsill tal-Ewropa stess.

Il-Gvern qal li hu determinat li jkun hemm aktar riformi, inkluż dawk importanti mmexxija mill-President ta’ Malta Dr George Vella fl-eventwali Konvenzzjoni Kostituzzjonali li huwa se jwaqqaf.

Il-Gvern qal li għalkemm il-ħidma tiegħu kienet “imxekkla bil-kbir mill-pandemija tal-COVID-19”, mexxa ‘l quddiem dawn il-proposti leġislattivi għal Riformi fl-isfond tal-Opinjoni mogħtija mill-Kummissjoni ta’ Venezja f’Diċembru 2018.

X’kien fih ir-rapport tal-Kummissjoni ta’ Venezja?
“PM b’ħafna poter; nuqqas ta’ bilanċi u kontrolli”

Il-Gvern jgħid li se jisma’ lis-soċjetà ċivili

Il-Gvern qal ukoll li jemmen fil-konsultazzjoni u għalhekk kien se jisma’ x’iridu jgħidu l-membri tas-soċjetà ċivili dwar dawn ir-riformi. Fl-istess waqt il-Gvern stqarr li huwa kunfidenti li r-riformi proposti huma “tajba u mingħajr ebda preċedent”.

Il-Gvern talab għall-buon sens, b’kooperazzjoni sinċiera u kostruttiva ta’ kulħadd sabiex Malta timxi ‘l quddiem. Stqarr li din mhix riforma tal-Eżekuttiv tal-Gvern, imma hi riforma ta’ kulħadd, riforma ta’ nazzjon wieħed.  

Intqal li wara dan il-proċess ta’ konsultazzjoni se jkun hemm l-Opinjoni finali tal-KV u l-Gvern jieħu d-deċiżjonijiet finali tiegħu.

70% tal-ħatriet b’konnessi partiġjana – Repubblika

F’reazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-ittra, l-għaqda Repubblika nnutat li l-ittra ma kienx fiha data ta’ meta ġiet mibgħuta lill-Kunsill tal-Ewropa. Repubblika qalet li se tistudja l-proposti li ppubblika l-Gvern u se tagħti l-fehmiet tagħha b’mod kostruttiv.

Il-PN iħeġġeġ għal konsultazzjoni serja

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-Oppożizzjoni għandha tkun ikkonsultata.

Il-kelliem tal-PN għall-Ġustizzja Jason Azzopardi flimkien mal-Kelliem tal-PN għar-Riformi Kostituzzjonali Chris Said qalu dan fi stqarrija b’reazzjoni għall-pubblikazzjoni tal-ittra. Qalu li l-Oppożizzjoni għadha kemm saret taf bl-istqarrija li ħareġ il-Ministru għall-Ġustizzja dwar riformi istituzzjonali u l-proposti li huwa bagħat lill-Kummissjoni Venezja.

Stqarru li peress li l-Oppożizzjoni la kienet infurmata u lanqas ikkonsultata mill-Gvern dwar ħafna minn dawn il-proposti se tkun qed tistudjahom fl-istrutturi interni tagħha.

Huma qalu li dan mhux il-mod kif għandhom isiru l-konsultazzjonijiet serji f’pajjiż demokratiku u fakkar ukoll li apparti mill-fehmiet tagħha, għandu jkun hemm proċess aktar wiesgħa li jinvolvi bis-serjetà lis-soċjetà ċivili kollha, lill-esperti li għandhom kontribut x’joffru u nies oħra li għandhom kull dritt jagħtu s-sehem tagħhom.

L-ittra li l-Gvern ippubblika: