Ippubblikata l-inkjesta fil-ħelsien mhux awtorizzat ta’ priġunier

L-inkjesta titlob tibdil fil-proċedura tal-ħelsien mill-ħabs

Miguela Xuereb

Il-Ministeru għall-Intern ippubblika r-rapport tal-inkjesta li nħatret biex tistabbilixxi l-fatti kollha tal-każ u jsiru r-rakkomandazzjonijiet wara li priġunier tħalla joħroġ mill-ħabs mingħajr ma nħariġlu l-ħelsien mill-arrest.

Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi żamm mat-terminu tal-inkjesta ta’ mhux aktar minn 20 ġurnata, hekk kif fil-31 ta’ Awwissu huwa bagħat ir-rapport sħiħ lill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Prim Imħallef jissuġġerixxi li l-uffiċjali tal-ħabs iżommu file wieħed fuq kull priġunier minflok fuq kull arrest. Stqarr li b’din il-prattika, każijiet bħal dawn ma jerġgħux isiru. Il-Ministru Camilleri ordna li tiġi implimentata din ir-rakkomandazzjoni.

Dan il-każ kien ħareġ fid-deher mill-avukat u kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi. Fil-11 ta’ Awwissu huwa kien ippubblika stqarrija li fiha indika li persuna nstabet barra l-ħabs minkejja li suppost kienet arrestata.

Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħatar inkjesta wara li sar jaf bil-każ.

Azzopardi kien spjega li r-raġel kien ilu jhedded lil martu, kiser ordni ta’ protezzjoni u t-talbiet għall-ħelsien mill-arrest ġew irrifjutati erba’ darbiet. Madankollu huwa ħareġ mill-ħabs fid-19 ta’ Lulju.

Aqra r-rapport sħiħ hawn.