Ippubblikata l-ħames edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti

knisja.mt/ritratti

Read in English.

L-Għaqda Biblika Maltija qed tikkommemora t-62 anniversarju tagħha bil-pubblikazzjoni tal-ħames edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti. Din l-edizzjoni riveduta hija xogħol kummissjoni li tmexxiet minn Rev. Dr Paul Sciberras.

Il-Bibbja ġiet preżentata lill-Isqfijiet Maltin wara laqgħa tal-Konferenza Episkopali. L-Arċisqof Charles Scicluna faħħar ix-xogħol li sar, u wera t-tama li din l-edizzjoni l-ġdida tgħin fil-programm tal-evanġelizzazzjoni tal-Arċidjoċesi.

Rev. Dr Paul Sciberras, wara li rringrazzja lill-membri tal-kummissjoni ta’ xogħolhom, spjega li hemm xogħol metikoluż u preċiż biex tinħareġ edizzjoni riveduta bħal din.

Il-Bibbja issa qed tiġi ppubblikata fi tliet formats differenti: waħda standard, oħra iqsar u edizzjoni speċjali.

Curia – church.mt

Fl-1984, il-Media Centre kien ippubblika l-ewwel edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti, li saret mill-Għaqda Biblika Maltija. Kemm il-verżjoni ta’ qoxra iebsa, kif ukoll il-verżjoni l-oħra kienu ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-qarrejja Maltin.

Il-kopji tal-ħames edizzjoni tal-Bibbja bil-Malti jistgħu jinxtraw mill-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana mit-Tnejn sal-Ġimgħa, ħlief il-Ħamis, bejn it-8am u t-3.30pm. Il-kopji standard u mqassrin jinstabu wkoll fil-ħwienet tal-kotba madwar Malta u Għawdex.

Xi xhur ilu, il-Bibbja bil-Malti ġiet introdotta wkoll fuq l-app popolari YouVersion, għall-iOS u l-Android.