Ippubblikat l-aħħar ktieb fis-serje Malti għall-Barranin

L-aħħar ktieb tas-serje bilingwi Malti-Ingliż Malti għall-Barranin ta’ Charles Daniel Saliba għadu kemm ġie ppubblikat.
Il-ktieb li jġib l-isem ta’ Maltese Grammar Essentials in Context 3, hu mfassal bħaż-żewġ kotba ta’ qablu, iżda jitratta aspetti grammatikali f’aktar dettall.
Kull min juża dan il-ktieb se jkun qed jitgħallem il-Malti minn testi varji li jippreżentaw sitwazzjonijiet li wieħed jiltaqa’ magħhom fil-ħajja ta’ kuljum. Minħabba li t-testi huma kollha f’kuntest, min jużah mistenni jkun qed jitħarreġ fl-erba’ ħiliet tal-lingwa.
Is-serje issa tammonta għal 14-il ktieb maqsuma fuq l-ewwel tliet livelli tal-Common European Framework for Languages akkumpanjat minn CD jew USB u tliet sillabi. Is-CD tas-serje ġie aġġornat biex jinkludi s-sezzjonijiet li jinqraw f’dan il-ktieb biex b’hekk min jużah jisma’ kelliema nattivi jaqraw is-siltiet jew djalogi.
L-ewwel tliet kotba tas-serje mistennija jinqalbu għal verżjoni Malti-Taljan is-sena d-dieħla u se jkun jisimhom: Le mie prime 750 parole in Maltese, Grammatica Maltese essenziale e contestuale 1, u Parlo Maltese 1.
Saliba, l-awtur tas-serje, gradwa f’livell ta’ Dottorat mill-Università ta’ Sheffield, fl-Ingilterra, fejn speċjalizza fit-tagħlim tal-Malti għall-barranin sponsorjat minn borża ta’ studju tal-MGSS.
Waħda mir-riċerki tiegħu ġiet ippubblikata bit-titlu Teaching Maltese as a Second Language to Adults f’kapitlu fil-ktieb Informing Educational Change: Reasearch Voices from Malta, editjat minn D. Hyatt, P. Clough u C. Nutbrown u ppublikat mill-Università ta’ Sheffield.
Jekk tixtieq iktar informazzjoni ikklikkja hawn