Ippubblikat l-abbozz ta’ liġi dwar is-separazzjoni bejn l-AĠ u l-Avukat tal-Istat

DOI / Kevin Abela

Ġie ppubblikat abbozz ta’ liġi li qed jipproponi li l-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali jiġu separati. Bħalissa l-irwol tal-Avukat Ġenerali jaqdi l-funzjonijiet kemm ta’ prosekutur pubbliku kif ukoll bħala l-konsulent legali ewlieni tal-gvern. L-abbozz ta’ liġi se jkun qed jipproponi li dawn jiġu separati u mwettqa minn uffiċjali u minn istituzzjonijiet differenti.

Fi stqarrija l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-liġi eżistenti daħlet fis-seħħ mill-1936. Sostna li l-għan tal-abbozz huwa li tinħoloq kariga ġdida dak ta’ Avukat tal-Istat li se tiġi rikonoxxuta wkoll fil-Kostituzzjoni, bil-possibilità li l-persuna li tilħaq l-Avukat tal-Istat ikollha protezzjoni simili għall-membri tal-ġudikatura u l-Avukat Ġenerali.

Il-Ministeru spjega li l-abbozz jgħid li l-Avukat tal-Istat se jinħatar bl-istess mod tal-Avukat Ġenerali iżda l-Prim Ministru se jkun obbligat li jagħti konsiderazzjoni xierqa lir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-Ħatra li għandha tasal għall-opinjoni tagħha wara sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet. Wara l-Prim Ministru għandu jgħaddi r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-President. Dan il-proċess se japplika wkoll għall-kariga tal-Avukat Ġenerali u għalhekk se tiġi emendata l-liġi.

Bonnici qal ukoll li l-ħidma tal-Avukat Ġenerali fil-qasam tal-prosekuzzjoni se tiżdied u se jingħata poteri ġodda fosthom li jesiġi li l-Pulizija tinvestiga ċertu każijiet, jkun jista’ jitlob informazzjoni lill-Pulizija dwar l-istat ta’ investigazzjonijiet u jkun jista’ jesiġi li l-Pulizija toħroġ akkużi fil-konfront ta’ xi ħadd. L-Avukat Ġenerali se jkollu wkoll is-setgħa li jkun prosekutur fil-qrati kollha dwar kull reat.