Ippubblikat it-tender għas-servizz tal-IVF

Ippubblikat it-tender għall-IVF, li se jkun parti minn programm nazzjonali.

It-tender ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern kif ukoll fil-Ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-proċess li jmiss se jkun l-eżaminar għall-eliġibilità tal-koppji. Kull koppja se jkollha ċ-ċans li tagħmel l-IVF tliet darbiet mingħajr ħlas.

L-għazla tal-eligibilita tal-koppja se jsir skont l-Att tal-Protezzjoni tal-Embrijuni.

Biex koppja tkun tista’ tagħmel użu mill-IVF, fil-klinika għall-fertilità assistita f’Mater Dei, irid ikollhom referenza mingħand it-tabib tal-familja jew speċjalista.

Il-proċess tal-IVF se jkun maqsum fi tliet stadji u mistenni li jibda jingħata minn Novembru li ġej. 

Il-Gvern qed jikkunsidra li t-tieni proċess li jikkonċerna l-proċess stess tal-IVF mistenni li jsir fi sħubija bejn il-Gvern u s-settur privat.

Il-proċess fl-istadji kollha se jsir f’Mater Dei iżda se jkun qed joffri għazla addizjonali għall-koppji li se jkunu jistgħu jagħżlu bejn is-settur pubbliku u privat.

F’dan il-mudell ta’ Public Private Partnership, is-settur privat se jkun jista’ jagħmel użu mill-assi tal-isptar Mater Dei u joffri wkoll l-istess servizz lill-pazjenti privati wara l-ħin, konformi mal-Att, il-Kodiċi ta’ Prattika u l-Awtorità għall-protezzjoni tal-Embrijuni.