​Ippubblikat ir-rapport tal-inċident fuq vapur tal-Gozo Channel

It-trakk li waqa’ fuq ġenb abbord il-vapur tal-Gozo Channel waqt vjaġġ bejn Malta u Għawdex f’Jannar li għadda, inqaleb għax ma kienx marbut tajjeb u għax kien mgħobbi iktar milli suppost.
Dan joħroġ minn rapport ta’ investigazzjoni li saret mill-Gozo Channel stess u li ppreżentatu lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo fit-28 ta’ Mejju. Il-Ministru poġġih fuq il-Mejda tal-Kamra bi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said.
Mir-rapport jirriżulta li t-trakk, tal-kumpanija Pace and Mercieca, kien mimli folji tal-melamine u taċ-chipboard. Minkejja li wasal kmieni fiċ-Ċirkewwa, it-trakk tgħabba fuq in-naħa ta’ wara tal-vapur qrib tar-rampa. It-trakk intrabat b’erba’ ktajjen imma, skont ir-rapport, ma kellux minn fejn jintrabat tajjeb u b’hekk ma setax jiġi ssikkat fil-post. Fil-fatt, żewġ ktajjen inħallu u t-trakk inqaleb fuq ġemb.
L-investigazzjoni sabet li malli l-vapur beda jogħla mal-mewġ tal-maltemp ta’ dakinhar, il-ħaddiema tal-Gozo Channel indunaw li t-trakk beda jiċċaqlaq u avżaw lill-kaptan li biddel ftit ir-rotta. Madankollu, il-vapur kellu jerġa’ jaqbad ir-rotta normali biex jidħol fil-Port tal-Imġarr u kien hawn li nqabad f’iktar mewġ u t-trakk inqaleb għax tilef iċ-ċentru ta’ gravità.
Skont ir-rapport, it-trakk kien mgħobbi iktar milli permissibbli fl-għoli u fil-piż u li l-folji tal-melamine, li normalment jiżolqu, kellhom spazju fejn jiċċaqilqu fit-trakk kif fil-fatt għamlu malli l-vapur inqabad fil-mewġ.
Ir-rapport jgħid ukoll li t-trakk seta’ ma jitħalliex jitla’ fuq il-vapur kieku kien magħruf li l-folji fuq in-naħa t’isfel tat-trakk kienu melamine li faċilment setgħu jiżolqu minħabba l-maltemp, kif fil-fatt għamlu.
Ir-rapport iressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet fosthom li vetturi kbar jiġu rifjutati li jitilgħu abbord il-vapur jekk ma jkunux mgħobbija tajjeb. Jissuġġerixxi wkoll li minbarra l-ktajjen tal-lum, jintużaw ukoll jacks biex jorbtu l-vetturi l-kbar u li s-sidien tat-trakkijiet jaraw li min isuq it-trakkijiet tagħhom ikun konxju ta’ kif għandu jorbothom b’mod tajjeb.
Fl-aħħarnett, ir-rapport jefasizza l-ħtieġa li l-passiġġieri ma jibqgħux jitħallew fil-garaxx waqt il-vjaġġ u spjega li minkejja li hemm numru ta’ sinjali fuq il-vapuri, dan l-aħħar kienet meħtieġa l-assistenza tal-Pulizija biex tinforza dan ir-regolament.
Ir-rapport ġie ffirmat minn Sammy Grech, Senior Engineering and Maintenance Manager tal-kumpanija Gozo Channel. 
Ir-rapport tista' taqrah mil-link t'hawn isfel: