Ippubblikat ir-rapport Chetcuti Cauchi dwar l-allegat rabtiet mal-Gvern

Il-Gvern ippubblika r-rapport tal-Uffiċċju tar-Regolatur tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment dwar l-allegazzjonijiet kontra d-ditta legali Chetcuti Cauchi li tqajmu fil-filmati mxandra fi programm televiżiv Franċiż.

Ir-rapport ikkonkluda li ma kien hemm l-ebda indikazzjonijiet li Chetcuti Cauchi kienu parteċipi b’rabtiet mal-Gvern u li l-istess ditta legali qatt ma pproċessat applikazzjoni għal ċittadinanza Maltija mingħand persuni b’rekord kriminali.

AQRA: Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern

L-istess rapport għamel numri ta’ rakkomandazzjonijiet li waħda minnhom kienet dwar l-applikant ewlieni. Fir-rapport iffirmat mir-Regolatur Carmel De Gabriele, huwa jirrakkomanda li l-Aġenzija għandha taċċetta biss applikazzjonijiet fejn l-applikant ewlieni jkun l-aktar wieħed sinjur.

Dan minħabba li l-istess rapport josserva li f’għadd ta’ ċirkostanzi fejn l-applikant ewlieni jkun l-anqas wieħed sinjur, ir-riċerka (due diligence) kixfet informazzjoni li permezz tagħha l-applikazzjoni ma tibqax eleġibbli.

Il-Gvern jitlob rapport dwar ir-rakkomandazzjonijiet

Il-Gvern fi stqarrija qal li talab rapport ieħor din id-darba dwar ir-rakkomandazzjonijiet tar-regolatur. Fl-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni ntqal li s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia talbet li b’effett immedjat jitħejja rapport ta’ analiżi dwar ir-rakkomandazzjonijiet li ġew sottomessi lill-Gvern.

Il-PN jgħid li r-rapport jikkonferma l-ħsara mill-bejgħ taċ-ċittadinanza

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan ir-rapport juri l-ħsara li qed tagħmel l-iskema ta’ bejgħ ta’ ċittadinanza. Il-PN qal li r-rapport b’ebda mod ma jiċħad dak li ġie żvelat dwar reat ta’ rabtiet mal-Gvern u lanqas dwar trattament preferenzjali mill-Gvern lil din il-kumpanija billi ġew iffilmjati reklami għal din il-kumpanija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-PL jgħid li ġiet fix-xejn il-kampanja tal-PN kontra l-IIP

Il-Partit Laburista qal li dan ir-rapport ġab fix-xejn l-allegazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment. Il-PL fi stqarrija qal li kuntrarju għal dak li prova jallega l-PN, “ir-regolatur wera bil-provi kif ma kien hemm ebda każ ta’ ndħil politiku fil-proċessi ta’ applikazzjonijiet tal-IIP”.

Ir-rapport sħiħ: