Ippubblikat il-kuntratt ta’ konsulenza tal-eks Kummissarju

Il-Ministru għall-Intern Byorn Camilleri ppubblika l-kuntratt li ngħata l-eks Kumissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar bħala konsulent tal-istess Ministru. 

Għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-Ministru Camilleri poġġa fuq il-medja tal-kamra l-kuntratt li ngħata Cutajar li fih ngħata salarju ta’ €30,000 għal 20 siegħa konsulenza fil-ġimgħa. Il-kuntratt m’għandux terminu ta’ tmiem iżda jista’ jiġi terminat bi pre-avviż ta’ xahar.

Il-kuntratt beda jgħodd mis-17 ta’ Jannar, jiġifieri minn dik il-ġurnata stess li fiha l-Prim Ministru Robert Abela aċċetta r-riżenja tiegħu minn Kummissarju tal-Pulizija.

Fuq Twitter, id-deputat Nazzjonalista Aquilina qal li din kienet proċedura standard ta’ Joseph Muscat u l-Prim Ministru Robert Abela biex iżommu wieħed mill-kompliċi fi ħdan il-grupp tagħhom.