​”Ippubblika r-rapport tal-FIAU issa” – Cassola lil Casa

L-eks Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola talab lill-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa biex jippubblika r-rapport tal-FIAU li ġie leaked lilu minnufih.
Fuq Facebook Cassola qal li minn kif tkellem Owen Bonnici fil-Parlament Ewropew huwa ċar illi l-eks impjegat tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) Jonathan Ferris mhux se jingħata l-whistleblower status.
Cassola qal li r-rapport li qiegħed fil-pussess ta’ Casa fih allegazzjonijiet serji dwar il-Ministru Konrad Mizzi. Stqarr li dan ġie diskuss bejn l-impjegati tal-FIAU disa’ xhur ilu. Madanakollu qal li x’aktarx dan ir-rapport qatt ma wasal għand il-Pulizija b’mod uffiċjali.
Cassola qal li bħala Membru tal-Parlament Ewropew, Casa għandu l-protezzjoni mill-istess Parlament. Għalhekk il-Gvern Malti ma jistax jieħu passi kontrih sakemm mhux bil-permess tal-istess Parlament. Huwa appella biex Casa ma jilgħabx logħob politiku bir-rapport u jippublikah minnufih.
Waqt intervista ma’ Newsbook.com.mt David Casa qal li flimkien ma’ diversi esperti qed jistudja l-agħar rapport tal-FIAU li ġie leaked lilu. Qal li dan ir-rapport se jiġi żvelat fil-mument opportun fil-futur qrib. Casa rrimarka li dan ir-rapport serju għandu kundanni fuq il-Gvern Malti, fuq l-istituzzjonijiet Maltin u fuq il-Bank Pilatus. 
Aktar kmieni din il-ġimgħa, in-Netwerk tas-Socjetà Ċivili ħareġ stqarrija biex jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Ewroparlamentari Casa fil-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus.
In-Netwerk qal li f’Malta teżisti strateġija li permezz tagħha persuni li jitfgħu dawl fuq reati kriminali jiġu sistematikament attakkati, In-Netwerk irrimarka li istituzzjonijiet ewlenin f’Malta mhux qed jagħtu r-riżultati mixtieqa fil-ġlieda kontra reati finanzjarji. Żied jgħid li hawn impressjoni ġenerali li l-prijorità ta’ uħud minnhom hi li jiddefendu lill-Gvern iktar milli li jiġġieldu l-abbuż ta’ poter.