“Ma jimpurtax twaħħal f’Cardona”

Read in English.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li f’ċertu ħin fil-kuntatti bejn l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u n-negozjant Yorgen Fenech, Schembri qallu li “ma jimpurtax li ssemmi lil Cardona basta ma ssemmix lili”. Schembri ċaħad bil-qawwa kollha li pprova jagħmel frame up.

Kien Newsbook.com.mt li żvela għall-ewwel darba l-komunikazzjoni bejn Fenech u Schembri. Fenech kien qal li Schembri bagħatlu messaġġi jgħidu “tikxifnix u ngħinek”. Iżda Fenech iddeċieda li jikxef dik li hu sejjaħ il-korruzzjoni dwar l-Electrogas u saħansitra l-windfarms li l-Enemalta bniet fil-Montenegro. Fenech tkellem ukoll dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Ippruvaw iwaħħlu fi Chris Cardona”

Dan li qed jirrapporta Newsbook.com.mt jagħti kredibbiltà lir-rapport tat-Times of Malta li qalet li waqt il-laqgħa tal-kabinett tal-bieraħ f’Kastilja, issemma’ t-tħassib li Keith Schembri u Yorgen Fenech ippruvaw jwaħħlu fi Chris Cardona, b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Kien Newsbook.com.mt li żvela li Chris Cardona ssejjaħ mill-Pulizija għall-interrogazzjoni nhar is-Sibt li għadda.

Ir-rapport tat-Times jikkwota diversi sorsi mill-Kabinett li kkonfermaw li għadd ta’ ministri qalu lill-Prim Ministru Joseph Muscat li huma mħassbin u rrabjati minħabba li deher li kien hemm attentat biex Dr Cardona jeħel bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport jgħid ukoll li ministri kienu xxukkjati meta semgħu mill-investigaturi li nota ttajpjata li allegatament għaddiet għand Fenech waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija, kienet qed tiddereġih biex iwaħħal f’Cardona. L-ittra kienet tinkludi wkoll dettalji dwar kif għandu jagħmel dan.

L-ittra allegatament waslet għand Fenech permezz tat-tabib tiegħu Dr Adrian Vella.  Vella kien ammetta “li serva ta’ messaġġier” meta kien arrestat u interrogat mill-Pulizija.

It-Times tikkwota sorsi oħra jgħidu li l-ittra li kienet miktuba bl-idejn ukoll, li kienet tindika wkoll li l-pjan biex iwaħħlu f’Cardona nbidel f’xi stadju.

“Il-ministri baqgħu mbellħa dwar il-mod kif Keith Schembri seta’ ħeles minn ċertu suspetti. Uħud jaħsbu li ma kienx investigat kif suppost”, qal membru tal-Kabinett lit-Times.

Sorsi tat-Times qalu li l-investigaturi assigurawhom li l-investigazzjoni fi Schembri ma ngħalqitx.