“Ippruvajt minn kollox biex insalva lil sħabi imma l-kurrenti kienu qawwija”

Hussain Ahmed minn Birmingham qal li pprova minn kollox biex isalva l-ħajja ta’ sħabu Mohammed Kamran Shabir u Lyace Ali, żewġ dentisti ta’ 35 sena li mietu wara li sabu ruħhom f’diffikultà minħabba l-kurrenti meta kienu qed jgħumu fil-Blue Lagoon f’Kemmuna.
Huma kienu waslu Malta f’Mejju fuq btala. Hussain Ahmed, li wkoll għandu 35 sena u dentist, kien l-uniku wieħed li salva fl-inċident fatali li seħħ għall-ħabta tat-3.30 ta’ wara nofsinhar fit-23 ta’ Mejju li għadda.
Mal-midja internazzjonali huwa spjega kif l-għada li waslu Malta, t-tlett iħbieb iddeċidew li jmorru l-Blue Lagoon meta raw grupp ta’ 20 persuna f’post għalihom u ddeċidew li jmorru hemm huma wkoll iżda meta bdew jgħumu spiċċaw f’diffikultà minħabba l-kurrenti qawwija.
Ahmed qal li meta dar lura ra lil Kamran b’idu biss barra mill-ilma u ddeċieda li jdur biex jgħinu iżda bil-kemm seta’ jżomm fil-wiċċ.
Spjega li ġie salvat mill-baħar minn persuni oħra iżda sħabu Kamran u Ali tilfu ħajjithom.
Uffiċjal minn Birmingham, li kienet involuta fl-inkjesta biex tistabbilixxi x’ġara dakinhar, qalet li Lyace Ali ttella l-art mitluf minn sensieh iżda flimkien ma Kamran ġie ddikjarat mejjet fl-isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Ana Samuel iddikjarat li ż-żewġ dentisti mietu wara li spiċċaw bla nifs.
Ali, li kien deskritt bħala ħabbrieki u simpatiku, ħalla warajh mara u tlett itfal, filwaqt li Kamran kien jgħix f’Birmingham ma’ martu.