Aġġornata (2): “Kuġinuwi tajjar 1, mhux se niddejjaq intajjar 2”

Read in English.

Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Ħal Tarxien allegatament qal li kuġinuh diġà tajjar uffiċjal tal-pulizija u li hu ma kienx se jiddejjaq itajjar tnejn meta numru ta’ uffiċjali tal-pulizija ppruvaw iwaqqfuh milli jkompli jsuq.

Dan ħareġ mill-Qorti llum waranofsinhar fejn iż-żagħżugħ ġie akkużat fost l-oħrajn b’attentat ta’ ferita gravi fuq uffiċjal tal-Pulizija. Hu wieġeb li mhux ħati.

Iż-żagħżugħ ġie arrestat ilbieraħ fi Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun għall-ħabta tat-3.15pm, wara li skont kelliem għall-Pulizija, ipprova jsuq għal fuq mutur tal-Pulizija tat-traffiku.

Fil-Qorti nstema’ kif uffiċjal tal-pulizija avviċina l-karozza tal-akkużat minħabba li kellu twieqi skuri u qallu jmur l-Għassa. “Jekk tridni l-għassa ejja warajja,” wieġbu ż-żagħżugħ li mbagħad saq minn fuq il-post. Il-pulizija mbagħad saq għal warajh sakemm laħqu u pprova jwaqqfu milli jkompli jaħrab.

Intqal ukoll li l-akkużat ipprova jweġġa’ lilu nnifsu fil-lock-up tal-Pulizija u hemm qajjem kommossjoni. Il-prosekuzzjoni spjegat li l-bqija tal-ħin qattgħuh jeskortawh għall-kura.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, ħaġa li l-prosekuzzjoni ikkontestat b’waħda mir-raġunijiet tkun li ż-żagħżugħ mhux l-ewwel darba li kien qed jiġi mħarrek. Il-prosekuzzjoni insistiet li sa ftit jiem ilu, iż-żagħżugħ ġie mħarrek fuq akkużi simili. Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża wara li ddeterminat li l-akkużat mhux affidabbli u minħabba l-gravità tal-każ.

Żagħżugħ isuq fuq mutur tal-pulizija fil-Ħamrun; jarrestawh

Il-pulizija kien qed jipprova jwaqqaf liż-żagħżugħ, iżda dan irrifjuta li jikkopera, u minflok, saq għal fuq l-uffiċjal, u qaleb il-mutur li dan kien riekeb fuqu. Minkejja li ma weġġa’ ħadd, dan iż-żagħżugħ ġie arrestat minħabba l-aġir tiegħu. Għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku.

Minbarra li ppreżentat 12-il akkuża fil-konfront tal-imputat, il-prosekuzzjoni talbet sabiex jekk iż-żagħżugħ jinstab ħati tal-akkużi tiskwalifikah milli jikseb kwalunkwe liċenzja tas-sewqan għal tul ta’ snin li tiddetermina l-Qorti, kif ukoll il-konfiska tal-karozza li kien qed isuq. Il-prosekuzzjoni talbet ukoll li f’każ ta’ ħtija l-imputat jintalab iħallas l-ispejjeż u toħroġ ordni ta’ protezzjoni għaż-żewġ Pulizija li kellhom x’jaqsmu mal-każ taż-żagħżugħ.

Iż-żagħżugħ deher quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech.