Ipprova ‘joqtol’ għat-3 darba; jinżamm arrestat

Raġel ta’ 38 sena nżamm arrestat wara li fit-28 ta’ Marzu allegatament ipprova joqtol lil mara b’turnavit, it-tielet darba li qed jiġi akkużat b’attentat ta’ omiċidju.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużat tefa’ wkoll aċtu lejn il-mara bil-konsegwenza li ġarrbet ġrieħi gravi. Ġie akkużat li kellu arma li taqta’ jew bil-ponta mingħajr liċenzja u li kiser il-paċi pubblika.
Din mhix l-ewwel darba li r-raġel qed jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil. Każ minnhom jinvolvi l-istess mara ta’ din il-kawża. Fl-2013 kien ingħata sentenza ta’ tliet snin priġunerija talli pprova joqtol lill-eks sieħba tiegħu fl-2011.
Il-Prosekuzzjoni qalet li r-raġel m’għandhux jingħata l-ħelsien mill-arrest peress li hemm persuni li għadhom jridu jixhdu.
Il-Qorti ordnat biex ir-raġel jinżamm taħt arrest. Talbet lid-Direttur tal-ħabs biex jieħu miżuri xierqa rigward l-istat u l-kundizzjoni mentali tal-imputat.