Ipprova jixtri lill-Independent biex ommi ma jkollhiex dħul – iben Daphne

FILE PHOTO: Maltese businessman Yorgen Fenech, who was arrested in connection with an investigation into the murder of journalist Daphne Caruana Galizia, leaves the Courts of Justice in Valletta, Malta, November 29, 2019. REUTERS/Yara Nardi

Read in English.

Iben il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia, sostna li qabel ma qatel lil ommu, Yorgen Fenech ifforma “grupp ta’ rġiel dijaboliċi” sabiex flimkien jixtru l-ġurnal The Malta Independent. Qal li dan kien il-pass tiegħu biex jipprova jaqta’ s-sors ewlieni tad-dħul ta’ ommu.

Din il-post ħariġha fuq Facebook b’reazzjoni għal artiklu ppubblikat mill-ġurnal The Times of Malta li qal li s-suspettat bl-assassinju tal-ġurnalista, Yorgen Fenech, kien ipprova jixtri lill-ġurnal The Malta Independent flimkien mal-lukandier Silvio Debono, bil-prezz mitlub ikun dak ta’ €2 miljun.

Iben il-ġurnalista sostna li meta ra li l-pjan tiegħu ma rnexxhiex, Fenech iddeċieda li jħallas persuni oħrajn sabiex joqtlu lil ommu.

Xi jgħid aktar ir-rapport?

Il-ġurnal Times of Malta tkellem mad-Daphne Caruana Galizia Foundation li sostniet li l-proposta ta’ Fenech setgħet ħalliet lil Caruana Galizia fi stat aktar vulnerabbli għall-attakki.

Din l-allegata proposta ta’ Fenech u Debono kienet seħħet fl-2016, l-istess żmien li fih kien ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers. Liema dokumenti kienu aċċessibbli mill-istess ġurnal.

Times of Malta kompla jgħid kif kelliem għal Debono kien ikkonferma li l-Grupp db kien ġie mitkellem minn Fenech fl-2016 dwar ix-xiri tal-ġurnal. Il-kelliem qal li hu kien fehem li Fenech kien qed jagħmel din it-talba f’isem Tumas Group. Intant, sors minn Tumas Group qal li l-proposta kienet saret wara deċiżjoni li ħa Ray Fenech waħdu. Ray Fenech huwa z-ziju ta’ Yorgen Fenech. Jidher li l-grupp ma ma kienx konxju tagħha u li qatt ma kellu l-ebda interess fis-settur tal-midja.

Intanti, sorsi oħrajn li tkellmu mal-ġurnal qalu li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schmebri, kien konxju dwar il-proposta li kienet qed issir. Minkejja dan, il-kelliem għall-Grupp db qal li Schembri qatt ma kellu l-ebda involviment fl-ebda laqgħa ma’ Tumas Group. Qal li wara żewġ laqgħat, il-grupp db abbanduna l-pjan għax ħass li ma kienx finanzjarjament vijjabbli.

Intant, il-ġurnal The Malta Independent, f’kumment mat-Times of Malta, qal li l-proposta ta’ Fenech ilha magħrufa għal snin twal. Il-ġurnal qal li Fenech ipprova jaħmel dan l-akkwist fl-2015.