Ipprova jħanxar għonq mara: “Jien ħati, irrid jgħaddi kollox”

Raġel akkużat li pprova jħanxar għonq mara f’attakk f’San Ġiljan talab fil-Qorti biex iħalluh jammetti l-akkużi ta’ attentat ta’ qtil, filwaqt li nsista li ma riedx li jweġġagħha.
Waqt li kien qed jistenna lill-avukat tiegħu, l-imputat beda jgħajjat fil-Qorti: “Jien ħati, irrid li jgħaddi kollox malajr. Fl-aħħar mill-aħħar Alla se jiġġudikani”.
Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda, Rawad Briga Abdelsalam, Libjan ta’ 33 sena, jinsab akkużat b’attentat ta’ omiċidju u serq f’attakk vjolenti fi Sqaq Lourdes, fit-28 ta’ Awwissu 2016, għall-ħabta tal-4.20am.
Hu mifhum li l-akkużat mar fuq il-vittma u l-ħabiba tagħha Pollakka ta’ 33 sena, u pprova jisirqilhom il-basktijiet.
F’mument minnhom, ħareġ sikkina u pprova jħanxar għonq il-Maltija, imbagħad telaq bil-basket b’kollox.
Fil-Qorti l-akkużat qal li ma jafhiex, ma riedx iweġġagħha, ħa ħafna pilloli u ma jiftakarx x’ġara.
Mal-wasla tal-avukat, intlaħaq qbil bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża, li l-akkużat jitkellem mal-avukat qabel ma jagħmel xi dikjarazzjoni fil-Qorti.
Waqt il-kumpilazzjoni, instema’ wkoll kif ritratti li ttieħdu fuq il-post, juru bankina mtebbgħa bid-demm, u karozza fil-qrib miksija wkoll bid-demm.
Il-każ ikompli f’Marzu.