Ipprova jdaħħal 400 għasfur mill-Arġentina

Raġel ta’ 37 mill-Imġarr qed jgħin il-Pulizija, wara li passiġġier fuq titjira minn Frankfurt ipprova jdaħħal aktar minn 400 għasfur protett mill-Arġentina.
Fi stqarrija, il-Gvern qal li aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Wild Birds Regulation Unit flimkien mal-Pulizija skopriet dan l-attentat.
Kien hemm speċi differenti fosthom papri, ajkli, falkuni u fjamingi.
Il-Gvern qal li fil-ġimgħat li għaddew, kien hemm numru ta’ każijiet ta’ pussess illegali ta’ għasafar protetti.
F'każ separat, fil-ġimgħat li għaddew uffiċjali tal-ALE għamlu diversi spezzjonijiet f’residenzi privati, li wassal biex instabu madwar 70 għasfur protett.
Sitt persuni qed ikunu investigati dwar dawn il-każijiet.
F’każ ieħor, żewġ Għawdxin instabu ħatja fil-Qorti bil-pussess ta’ numru ta’ għasafar protetti.
Raġel minn Kerċem weħel multa ta’ €1,000 wara li ammetta li żamm il-katavru ta’ fjamingu.
F’każ separat, raġel mix-Xagħra weħel multa ta’ €2,300 wara li ammetta li kellu madwar 80 għasfur protett.