Ipprova jattakka anzjan; jintbagħat 5 snin u nofs ħabs

Raġel ta’ 31 sena minn Ħaż-Żebbuġ ingħata ħames snin u nofs priġunerija wara li nstab ħati li pprova jisraq raġel ta’ 81 sena u kkaġunalu ġrieħi ħfief.

Ir-raġel li għandu problema tad-droga kien akkużat li fit-22 ta’ Ottubru tal-2018 attakka raġel ta’81 sena li kien qed jitkellem ma’ anzjana oħra. Fil-Qorti ħareġ kif ir-raġel ħass lil xi ħadd imiss il-but tal-qalziet minn wara fejn kien qed iżomm il-kartiera. Meta dar biex jara min kien qed imissu l-akkużat imbottah mal-art u sofra ġrieħi f’wiċċu. L-akkużat prova jerġa’ jattakka lir-raġel iżda f’dak il-ħin sewwieq li kien għaddej minn hemm waqaf biex jara x’kien qed jiġri. Huwa żamm lill-akkużat sakemm waslu l-pulizija.

Waqt li kien arrestat fuq l-akkużat instabu żewġ boroż żgħar b’sustanza ħadra li aktar tard ġie ċċertifikat li kienet droga sintetika. Meta kien qed jiġi interrogat fl-għassa tal-Ħamrun l-akkużat qal li ma kienx jiftakar x’ġara għax ftit qabel ir-reat huwa kien pejjep id-droga sintetika u ħa xi pilloli. Minn hawn sar magħruf li l-akkużat għandu problema tad-droga.

Il-Maġistrat ikkunsidrat li l-għan tal-akkużat kien li jisraq lill-vittma, kif ukoll li l-ammont li l-vittma kellu fuqu kien ta’ €350, kif ukoll il-fatt li l-vittma reġa’ prova jattakka lill-vittma u għalhekk kien akkużat ukoll bi vjolenza aggravata.

L-avukat difensur qal li l-akkużat ma kisirx il-kudizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest minħabba li hu kien preżunt innoċenti sakemm jinsab ħati. Il-Maġistrat qalet li dan l-argument huwa frivolu u sabet lill-akkużat tal-ewwl tliet akkużi u għalhekk huwa kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni r-rekord kriminali tal-akkużat kif ukoll il-fatt li l-vittma huwa anzjan. L-akkużat instab ħati u ngħata ħames snin u nofs ħabs kif ukoll €6,000 multa talli kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.