“Ipprotesta mhux billi ma tivvutax, iżda billi tivvota lil AD” – Michael Briguglio

Iċ-chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Michael Briguglio appella lil dawk il-votanti li jridu jipprotestaw kontra s-sistema billi ma jivvutawx, sabiex minflok ikunu parti mill-istorja billi jiġbru d-dokument tal-vot u jivvutaw lill-Alternattiva Demokratika.

Michael Briguglio sostna li dan il-mod hu ferm aktar effettiv milli wieħed joqgħod id-dar u jħalli kollox kif inhu. Dan hekk kif elfejn vot f’ distrett jista’ jikteb l-istorja bl-elezzjoni tat-tielet partit fil-Parlament.

F’konferenza stampa fil-Qawra, ntqal li l-kampanja ta’ Alternattiva Demokratika kienet ibbażata fuq tliet snin ta’ xogħol iebes biex sar il- manifest komprensiv, wara ħafna laqgħat mas-soċjetà ċivili.

Il-kandidat ta’ Alternattiva Demokratika, Silvan Agius sostna li dan il-partit fil-Parlament jiżgura li Malta tħalli warajha l-pika, l-politika partiġjana u l-firda bla bżonn bejn il-poplu Malti.