“Kien baqgħalna wisq affarijiet x’nagħmlu flimkien” – bint Miriam Pace

Read in English.

Bint Miriam Pace, Ivana Portelli, kitbet messaġġ indirizzat lil ommha li fih qaltilha li qatt ma basret li se tkun qed issellmilha daqshekk malajr. Qaltilha li kien għad baqgħalhom wisq affarijiet x’jagħmlu flimkien.

Miriam Pace, il-mara li kienet nieqsa wara li ġġarrfet darha fil-Ħamrun, instabet mejta qalb it-tifrik għall-ħabta tal-10pm ilbieraħ filgħaxija. Il-katavru nħareġ fl-10.30pm. Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

In-neputija ta’ Miriam Pace appellat lill-pubbliku sabiex jipproteġi lill-maħbubin tiegħu. Qalet li l-bidu tal-ħsejjes tat-tħaffir tal-kostruzzjoni hija l-aħħar ħaġa li wieħed ikun irid jisma’ wara traġedja bħal din. “Fallejnieha…aħna qtilnieha,” kitbet in-neputija.

Xita ta’ messaġġi għar-raġel ta’ Miriam

Għexieren ta’ persuni esprimew il-kondoljanzi tagħhom lil Carmel Pace u wliedu.

Raġel partikolari li fuq Facebook qal li trabba ma’ Carmel spjegat li huma kienu dejjem viċin il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu. Dan qal li kemm Miriam, kif ukoll Karmel, kienu devoti kbar tagħha. “Ftakar li Miriam issa se tkun fejn dawk it-tnejn li dejjem ħabbet u kienet devota tagħhom: il-Madonna tal-Karmnu bil-Bambin,” temm jgħid.

Oħrajn sostnew li t-telfa ta’ Miriam kienet “ħela ta’ ħajja” u “telfa għal familja”. Appellaw sabiex Carmel ikun kuraġġjuż u sostnew li “Miriam se tkun miegħek tieħu ħsieb il-familja tagħkom”.

Kien hemm min esprima r-rabja kbira li qed iħoss għat-telfa ta’ din il-mara Maltija. Sostnew li “qatt f’mitt sena ma kienu jistennew traġedja bħal din”.

“Naf eżattament dak li qed tħoss Carmel għax ġarrabtha wkoll. Miriam żgur se tkun qed tħarsek u tmexxik u tibqa’ tieħu ħsieb lill-familja tagħha,” qal raġel ieħor li għadda mill-uġigħ tat-telfa ta’ martu.