Ippromwovu ċ-ċikliżmu issa – FAA u l-BAG

Read in English.

L-Għaqda mhux Governattiva Flimkien għall-Ambjent Aħjar (FAA) u l-Bicycle Advocacy Group (BAG) qed jappellaw lill-Gvern sabiex jippromwovi l-użu tar-roti sabiex wieħed imur minn post għall-ieħor.

Fi stqarrija dawn iż-żewġ għaqdiet qalu li minħabba s-sitwazzjoni preżenti tal-coronavirus, it-tniġġiż tal-arja naqas b’70%. Żiedu li l-mixi huwa parti importanti mill-attività fiżika. Is-sitwazzjoni preżenti toħloq ansjetà kif ukoll periklu kbir għas-saħħa. L-attività fiżika tgħin biex wieħed inaqqas ir-riskju ta’ problemi tal-qalb, il-kanċer, id-dimensja u d-dijabete. Sfortunatament dak li għaddejja minnu d-dinja bħalissa jnaqqs l-attività fiżika iżda wieħed jista’ jagħmel mixja jew juża r-rota.

L-FAA u l-BAG qalu li ċ-ċikliżmu għandu diversi benefiċċji fosthom li persuna tieħu l-arja friska mingħajr ma tkun viċin persuni oħra kif ukoll li tnaqqas l-ammont ta’ nies miġbura jistennew it-trasport pubbliku.

Żiedu li ħafna mid-distanzi huma ta’ bejn 2 u 5 kilometri u dan huwa ideali biex persuna tmur bir-rota. L-għaqda Flimkien għal Ambejent Aħjar u l-Bicycle Advocacy Group ħeġġew lill-Gvern biex jagħtu vawċers liċ-ċittadini biex jużaw ir-roti tal-kiri b’xejn kif ukoll li jiżdiedu l-bike lanes fit-toroq sabiex dawk li jagħamlu użu minnhom ikunu siguri.

Il-Malta Public Transport fi stqarrija appellat lin-nies biex waqt li jistennew tal-linja jżommu d-distanza minn xulxin.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn