Ippreżentati ċertifikati lil 178 student li attendew korsijiet tal-lifelong learning

Waqt attività fiċ-Ċentru ‘Aċċess’ tal-Qawra, il-Ministru għall-Familja Michael Farrugia qal li ċ-ċavetta biex wieħed ikun jista’ jtejjeb is-sitwazzjoni tiegħu hija l-edukazzjoni.
Il-Ministru Farrugia qal dan waqt li kien qed jipprezenta ċ-ċertifkat ta’ partecipazzjoni lil 178 student li ħadu sehem fil-korsijiet ta’ taħriġ offruti mid-Direttorat tal-‘Lifelong Learning’ flimkien maċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li tnedew 30 kors fi 28 suġġett differenti li ser ikunu qed jiġu offruti fiċ-Ċentru Aċċess tal-Qawra.
Din iż-żieda fil-korsijiet saret wara li t-tmexxija ta’ dan iċ-ċentru kkonsulta ma’ numru ta’ entitajiet, professjonisti kif ukoll ma’ residenti biex jiġu identifikati l-interessi li jeżistu fit-tahriġ.
Michael Farrugia qalli li l-gvern se jkompli jsaħħaħ dawn iċ-ċentri permezz ta’ inizjattivi varji li huma ppjanati li jsiru fix-xhur li ġejjin.
Semma’ wkoll li se jsir investiment permezz tal-proġett ‘Leap’ biex iċ-ċentri Aċċess ikunu jistgħu ikomplu l-ħidma siewja tagħhom fuq firxa akbar ta’ lokalitajiet.
Il-Ministru Farrugia temm jgħid li se tkompli ssir l-evaluwazzjoni dwar il-mod ta’ kif qed jiġu mplimentati s-servizzi minn dawn iċ-ċentri biex b’hekk jittieħdu aktar decizjonijiet li jwasslu biex ikun hawn aktar opportunitajiet u effiċċjenza.

Ritratt: DOI – Pierre Sammut