Ippreżentati 40,000 firma għar-referendum kontra l-kaċċa fir-rebbiegħa

Il-Koalizzjoni għat-Tneħħija tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa llum ppreżentat 40,351 firma lill-Kummissjoni Elettorali biex ikun jista’ jsir ir-referendum dwar l-istaġun tal-kaċċa.
Il-ħsieb tal-Koalizzjoni hu li r-referendum isir f'Marzu tas-sena d-dieħla mal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali u b’hekk jonqsu l-ispejjeż elettorali.
F’dawn l-aħħar seba’ xhur, il-Koalizzjoni ġabret 44,376 firma.  Din il-ġimgħa stess kien hemm 200 firma oħra wara li ġie rrappurtat li ġew ikkaċċjati għasafar protetti.
Biex ikun jista’ jissejjaħ ir-referendum kellhom jinġabru minn tal-inqas 34,000 firma ta’ Maltin mniżżla fir-reġistru elettorali.
L-għaqdiet li jiffurmaw parti mill-Koalizzjoni huma: Alternattiva Demokratika, Birdlife Malta, Coalition for Animal Rights, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Ahjar, Friends of the Earth Malta, Gaia Foundation, Greenhouse Malta, International Animal Rescue Malta, Moviment Graffiti, Nature Trust, Ramblers Association of Malta.