Ippreżentata l-Premier League Trophy lil Floriana FC

Ritratt: Floriana FC

Il-ħarġa ta’ Lulju ta’ Il-Furjana tinkludi coverage estensiv tal-ġrajja storika li seħħet fi Pjazza Sant’Anna fil-Furjana nhar is-Sibt li għadda. Din kienet il-preżentazzjoni tal-BOV Premier League Trophy lil Floriana FC bħala ċ-Champions il-ġodda ta’ Malta, u għas-26 darba fl-istorja tal-klabb. Din kienet ġrajja storika għaliex għall-ewwel darba t-tazza lir-rebbieħa tal-Kampjonat Malti kienet ippreżentata fil-lokalità taċ-Champions stess minflok fl-iStadium. Fil-paġni sportivi hemm analiżi u statistika tal-Kampjonat Malti 2019-2020 mill-ġurnalista sportiv Jesmond Moore.

Din il-ħarġa tkompli mal-ħarġa speċjali tal-gazzetta, li kienet pubblikata f’Ġunju li għadda wara li Floriana FC kienu dikjarati mill-Kunsill tal-MFA bħala ċ-Champions ta’ Malta.

Fil-kumplament tal-gazzetta wieħed isib tagħrif dwar il-proġett li dam sejjer ħames xhur u li fih ingħatat kisja ġdida ta’ waterproofing lis-soqfa minn barra tal-Knisja Arċipretali ta’ San Publju.

Ta’ min ikun jaf li f’Ottubru li ġej il-gazzetta Il-Furjana tagħlaq 67 sena minn meta kienet pubblikata l-ewwel ħarġa. Normalment din il-gazzetta tkun pubblikata tlieta jew erba’ darbiet fis-sena, inkella inqas ukoll. Iżda minħabba l-ġrajjiet mhux tas-soltu li seħħew fix-xhur li għaddew fil-belt tal-Furjana u lil niesha, id-Direzzjoni tal-gazzetta ħasset il-ħtieġa li jkunu pubblikati 4 ħarġiet f’4 xhur differenti.

Id-Direzzjoni ta’ Il-Furjana ħabbret li l-appuntament li jmiss mal-qarrejja u l-abbonati se jkun għax-xahar id-dieħel. Fil-fatt se tkun pubblikata ħarġa oħra fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Publju, qaddis Patrun u Protettur tal-Furjana, li se tkun ċelebrata nhar il-Ħadd 23 ta’ Awwissu 2020.