Ippreżentata l-Enċiklika tal-Papa “Laudato Sì”

“L-ewwel Enċiklika sħiħa tal-Papa Franġisku, bl-isem “Laudato Sì: dwar il-ħarsien tad-dar komuni” mistennija tħalli impatt hekk kif id-dinja qed tqis il-kelma tal-Papa dwar l-ambjent bħala importanti ħafna. Qatt ma kien hemm stennija daqshekk ħerqana għal dokument wieħed”.

Hekk fetaħ il-preżentazzjoni tal-Enċiklika, il-Kelliem tal-Vatikan Fr Federico Lombardi. Fisser kif l-Enċiklika ġiet ippreparata mill-Papa waħdu imma ma kienx f’solitudni. Spjega wkoll kif jumejn ilu bagħat kopja tad-dokument lill-Isqfijiet kollha madwar id-dinja fejn anke talabhom jitolbu għalih.

Fil-preżentazzjoni ħadu sehem diversi persunaġġi importanti għall-Knisja Kattolika u mhux.
Tkellem il-Kardinal Peter Kodwo Appiah Turkson, li hu l-President tal-Kunsill tal-Vatikan għall-Ġustizzja u l-Paċi. Kien hemm ukoll ir-rappreżentant tal-Patrijarka Ekumeniku tal-Knisja Ortodossa, l-Eminenza John Zizioualas, kif ukoll il-Professur John Schellnhuber, Fundatur u Direttur tal-Potsdam Institute for Climate Impact Research, u Carolyn Woo, Kap Eżekuttiv u President tal-Catholic Relief Services.

Kollha kellhom kliem ta’ tifħir għall-ħsibijiet u l-mod kif l-Enċiklika ġiet imsawra.

Il-Kardinal Turkson fakkar kif isem l-Enċiklika, ifakkar f’San Franġisk u jistieden lin-Nisrani jħares lejn il-fqajjar t’Assisi bħala ispirazzjoni. Fisser kif San Franġisk hu l-eżempju li jgħaqqad il-ġustizzja lejn il-fqar, l-impenn lejn is-soċjetà u l-ħolqien. Tenna kif il-Papa, permezz tal-Enċiklika, jistaqsi lill-bniedem x’tip ta’ dinja jrid iħalli lit-tfal tal-lum, għaliex qiegħed fid-dinja u għaliex qiegħed jaħdem. Spjega li mhix Enċiklika dwar l-ambjent biss imma dwar l-eżistenza tal-bniedem u l-valuri.

Il-Kardinal spjega li l-Enċiklika turi tama lejn il-bniedem għax jista’ jbiddel ir-rotta u għadu jista’ jaħdem flimkien biex jibni dar komuni. Tenna li l-kriżi fid-dinja bħalissa tiġbor dik soċjali u dik ambjentali flimkien u l-faqar, id-dinjità lill-esklużi u l-ħarsien tal-ambjent huma marbuta ma’ xulxin.

Spjega wkoll li l-Papa jistenna kontribut minn kull persuna fid-dinja favur l-ambjent, kemm fuq livell individwali, lokali, reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, b’atteġġjament favur l-ambjent u l-mod t’għixien b’mod ġenerali.

Il-Metropolita ta’ Pergamo, li kien  l-ewwel awtorità daqshekk għolja fi ħdan il-Knisja Ortodossa li ppreżenta dokument tal-Papa, stieden lill-Knisja Kattolika biex tingħaqad ma’ dik Ortodossa, li ilha mill-1989 tiddedika jum fis-sena għat-talb għall-ambjent, li hu l-1 ta’ Settembru.

Iddeskriva l-Enċiklika bħala sejħa għall-għaqda fit-talb biex jitħares dak kollu  li ta Alla. Waqt li rringrazzja b’mod sħiħ lill-Papa li qed jiġbed l-attenzjoni tad-dinja fuq il-ħsara li l-bniedem qed jagħmel fuq il-ħolqien t’Alla, qal li l-Knisja Ortodossa hi grata mmens lejn is-sejħa tal-Papa u twieġeb bil-kelma “Ammen”.

Il-Metropolita qal li l-Enċiklika tittratta b’mod profond il-problema ambjentali, li fisser, għandha l-għeruq tagħha fir-rgħiba tal-bniedem u r-rieda ta’ iktar ġid u ferħ materjali li jorbtu mal-inġustizzja soċjali.

Ir-rappreżentant tal-Knisja Ortodossa fisser bħala “dnub ekoloġiku” dak li hu mhux biss kontra Alla imma wkoll kontra wkoll il-bniedem, li jmur kontra l-preżent u l-futur. Appella biex it-teknoloġija u x-xjenza jintużaw biex ma jkomplix jinqered l-ambjent.

Fil-preżentazzjonijiet l-oħra, il-Professur Schellnhuber ta eżempji tal-ħsara kbira li saret lid-dinja matul is-snin, speċjalment fl-aħħar seklu u qal li fl-opinjoni tiegħu, l-Enċiklika tal-Papa tgħaqqad ħsibijiet loġiċi u ta’ xjenza mal-fidi u l-morali bil-messaġġ ikun dak li l-bniedem għandu jħares il-ħolqien. Carolyn Woo, min-naħa tagħha, qalet li n-negozju mhux biss għal skopijiet ekonomiċi imma hu impriża tal-bniedem, u allura kull negozju għandu jżomm fiċ-ċentru li hu magħmul min-nies għan-nies.

Issa tibda kampanja ta’ informazzjoni marbuta mal-Enċiklika, fosthom permezz tal-account tal-Papa fuq Twitter, li kull siegħa llum se joħroġ frażi mill-Enċiklika.