Ippreżentata analiżi dwar it-tbassir tal-gvern

Il-Malta Fiscal Advisory Council (MFAC) ippreżentat l-analiżi tagħha dwar it-tbassir tal-gvern fir-rigward tas-sitwazzjoni makro-ekonomika, kif ippreżentat fil-baġit.
Fejn jidħol it-tkabbir tal-Prodott Domestiku Gross, l-MFAC qalet li t-tbassir tal-gvern huwa wieħed li hi tara bħala realistiku u fattibli, speċjalment fis-sitwazzjoni preżenti kemm f’termini fiskali kif ukoll skond l-aħħar ċifri maħruġa mill-gvern.
Fl-istess analiżi l-MFAC spjegat li matul is-sena 2018 wieħed jista’ jistenna tisħiħ b’saħħtu fin-nefqa tal-konsum, kemm mis-settur privat kif ukoll mill-gvern. L-istess analiżi tgħid ukoll li s-settur estern ser ikompli jkun sors ta’ tkabbir għalkemm se jkun inqas milli kien matul is-sena 2017.
L-MFAC madankollu wissiet li t-tbassir fir-rigward tal-kapital fiss gross jgħati lok għal element ta’ inċertezza, hekk kif dan l-element huwa wieħed volatili ħafna. L-għaqda sostniet, iżda, li kollox ma’ kollox ir-riskji jidher li huma kumpensati b’livell ta’ prudenza fit-tbassir. 
Ir-rapport sħiħ tal-MFAC intitolat ‘Assessment of the Macroeconomic Forecasts – Draft Budgetary Plan 2018’ jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku tal-għaqda www.mfac.org.mt.