Ippreżentat ir-rapport annwali tal-NAO

L‑Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta r‑Rapport Annwali u Finanzjarju tal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika (NAO) għas‑sena li għalqet fil‑31 ta’ Diċembru 2019, lill‑Ispeaker tal‑Kamra tar‑Rappreżentanti Anġlu Farrugia.

Bħala introduzzjoni għal dan ir‑rapport, l‑Awditur Ġenerali ta ħarsa lejn ix‑xogħlijiet, l-attivitajiet, l-iżviluppi tal‑NAO u dak li rnexxielu jikseb l‑Uffiċċju matul l‑2019. Fl-indirizz tal-ftuħ tiegħu, Deguara faħħar lill-impjegati kollha tal-NAO għall-impenn u l-kompetenza professjonali tagħhom. Min‑naħa tiegħu d‑Deputat Awditur Ġenerali, Noel Camilleri, irrifletta fuq il‑kategoriji varji ta’ xogħol li daħlu għalihom timijiet magħmula minn amministraturi u impjegati tal‑NAO biex jiżguraw l‑implimentazzjoni effettiva ta’ ‘L‑Istrateġija tal‑Uffiċċju Nazzjonali tal‑Verifika: Intejbu l‑Governanza u l-Prestazzjoni fis‑Settur Pubbliku 2019‑2013’. Irrefera wkoll għaż‑żieda ppjanata fi produzzjoni u kapaċità interna mill‑Uffiċċju.

Ir‑rapport ta’ din is‑sena jinkludi wkoll artiklu dwar il‑Governanza – Il‑Ġenerazzjoni li Jmiss tar‑Riforma fil‑Gvern, miktub mill‑Prof. Edward Warrington mid‑Dipartiment tal‑Public Policy, tal‑Università ta’ Malta. Fih, Prof. Warrington jirrakkomanda l‑formulazzjoni u l‑implimentazzjoni ta’ struttura ta’ governanza, koerenti, robusta u funzjonali li tkun tapplika għas‑settur pubbliku, fl‑isforz biex tiġi żgurata governanza tajba fl‑amministrazzjoni pubblika kollha kemm hi.

Annual Report and Financial Statements of the National Audit Office – 2019

Posted by National Audit Office Malta on Wednesday, May 20, 2020

Ir‑rapport jirreferi wkoll għal numru ta’ attivitajiet lokali u internazzjonali organizzati mill‑NAO, fosthom il‑Laqgħa tal‑Grupp ta’ Ħidma tal‑IT tal‑Organizzazzjoni Ewropea tal‑Istituzzjonijiet Supremi tal‑Verifika (EUROSAI), Seminar organizzat mill‑Inizjattiva Internazzjonali tal‑Iżvilupp (IDI) tal‑Organizzazzjoni Internazzjonali tal‑Istituzzjonijiet Supremi tal‑Verifika (INTOSAI) dwar l‑Użu ta’ Analiżi tad‑data fis‑Settur Pubbliku, kif ukoll Seminar li sar b’mod konġunt bejn l‑NAO u l‑Qorti Ewropea tal‑Awdituri (ECA) dwar kif ‘L‑Istituzzjonijiet Supremi tal‑Verifika jistgħu jinfluwenzaw lill‑Gvernijiet fl‑indirizz tagħhom tal‑problemi taċ‑ċittadini’.

It‑tieni parti tar‑rapport hija ġabra totali fil‑qosor tal‑ħidmiet u produzzjonijiet tal‑NAO matul l‑2019. F’din il‑parti tingħata wkoll ħarsa ġenerali tal‑ħidmiet imwettqa minn kull waħda mis‑Sezzjonijiet tal‑NAO, li jinkludu verifiki ta’ natura finanzjarja u osservanza, verifiki fuq l‑effettività, verifiki speċjali u investigattivi, kif ukoll verifiki ta’ IT, flimkien max‑xogħol kollu tal‑Amministrazzjoni tal‑Uffiċċju.

Ir‑rapport finanzjarju verifikat tal‑Uffiċċju huwa ppreżentat fl‑aħħar parti tar‑rapport.

Aċċess għal dan ir-rapport mis‑sit uffiċjali tal‑NAO www.nao.gov.mt kif ukoll mill‑paġna tal‑Facebook tal‑NAO www.facebook.com/NAOMalta.