Ippreżentat il-programm ta’ Lejlet ir-Riċerkaturi – Xjenza fil-Belt

Illum ġie ppreżentat il-programm sħiħ tat-tieni edizzjoni tal-attività Lejlet ir-Riċerkaturi – Xjenza fil-Belt li se ssir nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Settembru.

Mis-6pm ’il quddiem għadd ta’ xjentisti żgħażagħ, riċerkaturi u artisti se jilqgħu lill-pubbliku għal-lejla festiva li tinkludi wirjiet, diskussjonijiet, scientific cafes, esperimenti interattivi, mużika, arti tat-triq, films, xows għat-tfal u attivitajiet interattivi oħra.

L-attivitajiet se jinżammu f’postijiet u toroq magħżula fil-Belt Valletta, mill-Barrakka ta’ Fuq, Kastilja u l-Kavallier ta’ San Ġakbu, ‘l isfel Triq ir-Repubblika u Triq il-Merkanti, għal Pjazza San Ġorġ sa misraħ is-Suq l-Antik.

Il-Professur Alex Felice, li qed jikkordina l-proġett qal li l-festival Xjenza fil-Belt qed isir bil-ħsieb li jqajjem kurżità għax-xjenza, innovazzjoni u teknoloġija ġdida.

Dr Edward Duca, il-Maniġer tal-proġett sostna li kif tidħol minn Bieb il-Belt ir-Rokna tal-Unjoni Ewropea mtella’ mill-MEUSAC se tkun mimlija bi xjentisti  li se jispjegaw kif l-art tiċċaqlaq billi jġiegħlu t-tfal iregħdu l-art, u karozza tat-tlielaq bi stil Formula mibnija Malta se tilqa’ d-dilettanti tal-karrozzi.