Ippreżentat il-ktieb ta’ Patri Martin Micallef dwar il-Kurċifiss mirakoluż

Ġie ppreżentat il-ktieb ta’ Patri Martin Micallef dwar il-Kurċifiss mirakoluż meqjum fil-Knisja tal-Kapuċċini fl-ewwel Ġimgħa tar-Randan. Il-ktieb għandu l-isem ta’ “Crux Invicta: Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex”.

Waqt il-preżentazzjoni tal-ktieb, l-Isqof Mario Grech radd ħajr lil Patri Martin. Qal li xtaq juri li dan huwa studju approfondit li joħroġ għad-dawl is-serjetà tax-xbieha ta’ Kristu msallab. Fis-snin l-imgħoddija, kif ġara fil-Knisja tal-Kapuċċini, meta l-Kurċifiss kien jiġi espost, il-preżenza tiegħu kienet issir ġrajja importanti u quddiem din ix-xbieha kien jitwieled ambjent ta’ fidi fejn il-bniedem jagħraf il-bżonn ta’ Alla u għalhekk jinġabar quddiem din ix-xbieha biex jitlob kull tip ta’ grazzja u għajnuna. Il-preżenza ta’ wħud minn dawn kienet saħansitra ssir “mirakoluża” – jiġifieri ambjent misterjuż fejn Alla jiltaqa’ mal-bniedem.

L-Isqof irrifletta fuq fenomenu li jibda jidher b’mod partikulari f’dawn il-ġimgħat tar-Randan u fi żmien il-Għid: “il-preżenza tax-xbieha tal-Kurċifiss tiġi mmultiplikata u nibdew narawha kullimkien: knejjes, purċissjonijiet, wirjiet, posters, ritratti, reklami, drammi u rappreżentazzjonijiet oħra tal-Passjoni.” Qal li l-Kurċifiss sar faċilment xi ħaġa ta’ spettaklu, ġugarell f’idejn id-dilettanti, ornament ta’ valur għall-istoriċi tal-arti, u iktar ma jiġi riprodott f’elf daqs u f’elf mod, iktar jintilef is-sinifikat tiegħu, u jonqos it-twemmin fil-qawwa tiegħu.

Qal li għal ħafna l-Kurċifiss m’għadu jgħid xejn, “għax drajna l-preżenza tiegħu.” Spjega li fl-ewwel millennju kollu l-Knisja kienet toqgħod ħafna attenta kif tesponi l-Kurċifiss. “Ix-xbieha ta’ Ġesù msallab hija tant delikata u tant qiegħda f’riskju li tinftiehem ħażin li l-Knisja kienet tippreferi tirrappreżenta lil Kristu b’modi oħra. Ħafna drabi Kristu huwa ppreżentat ħaj, glorjuż u ttrasfigurat (kif narawh f’mużajċi fl-abside ta’ knejjes famużi) u dan għaliex hemm ir-riskju li l-Kristjani jisseparaw is-salib mill-bqija tal-Għid, u l-Kurċifiss jibda jirrifletti d-disperazzjoni u n-nuqqas ta’ fidi tagħna minflok il-fidi tagħna f’Ġesù mqajjem mill-mewt,” kompla jgħid Mons. Grech.

“Il-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Alla msallab, li skont il-Kardinal Martini hija l-essenza tal-Kristjaneżmu, twassalna biex inkunu tassew konvinti mill-fatt li “Alla ma jsalvax mit-tbatija imma bit-tbatija; ma jħarisniex mill-mewt, imma fil-mewt; ma jeħlisx mis-salib, imma bis-salib” (Dietrich Bonhoeffer). Għaliex għaraf il-kobor tal-Kurċifiss, l-istess ħassieb Luteran jasal biex jafferma li “Alla ma jsalvaniex bil-qawwa tiegħu, imma bid-dgħufija li dehret fi Kristu fuq is-salib”. L-istess ħsieb itennih San Girgor minn Nissa li jikteb li “l-Kurċifiss huwa teoloġija għal dawk li għandhom ħarsa li tinfed għax jikxef il-qawwa vera ta’ dak li huwa ‘kollox f’kollox’” (Diskors I fuq il-Qawmien ta’ Kristu). Eku ta’ dan insibuh fit-tagħlim ta’ Luteru li jgħid li “mhux biżżejjed li wieħed ikun jaf lil Alla fil-glorja u l-kobor tiegħu, imma huwa wkoll meħtieġ li nkunu nafuh fl-umiljazzjoni u l-waħx tas-salib… Fi Kristu, fil-Kurċifiss, hemm it-teoloġija vera u l-għarfien veru ta’ Alla”  (Id-disputa ta’ Heidelberg, teżi 20).”

L-Isqof temm jgħid li jalla dan il-misteru li l-Kapuċċin Patri Martin Micallef qed iqiegħed f’idejna, idawwal il-ħajja tagħna.