Ippreżentat il-baġit Ewropew għal bejn l-2021 u l-2028

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Junkcer, ippreżenta l-proposti għall-baġit Ewropew għal bejn is-snin 2021 u 2027.
Il-pass li jmiss hu li l-proposti jiġu aċċettati mill-Parlament Ewropew (PE), li mbagħad jgħaddu għal għand il-Kunsill Ewropew.
Sadanittant, fi stqarrija l-PE qal li hu jaqbel ħafna ma’ baġit ambizzjuż u politiku, ibbażat fuq strateġija u objettivi ċari, dejjem skont il-valur ewlieni ta’ valur addizzjonali Ewropew.
Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF), fi kliem ieħor il-baġit Ewropew, għandu jirrifletti l-proġett Ewropew u l-politika tiegħu, espress f’termini monetarji meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet.
Il-PE qal li għandu jkun ibbażat fuq ir-riformi u l-immodernizzar, u se jaħdem sabiex iġib ir-riżultati sa qabel l-elezzjoni tas-sena d-dieħla.
“Il-proposti jitqabblu tajjeb ma’ dawk tal-aħħar baġit” – Il-Ministeru
Sadanittant, il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropew qal li filwaqt li l-Gvern qed jistudja l-proposti, jidhirlu li l-baġit ta’ €1,280 biljun jitqabbel tajjeb mal-baġit preċedenti.
Fi stqarrija qal li Malta tissapportja żieda fil-baġit għall-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll aktar xogħol fil-migrazzjoni.
 “Il-proposti jagħfsu fuq iż-żgħażagħ imma neqsin mill-ambizjoni” – PES
Il-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew (PES), li tifforma parti minnu d-delegazzjoni Laburista ta’ Malta, qal li l-proposti jagħfsu fuq iż-żgħażagħ iżda mhux fuq l-ambizzjoni.
Il-President tal-PES, Sergei Stanishev, qal li l-proposti tal-Kummissjoni jitbiegħdu mill-pożizzjoni tal-PE.
Ikkritika t-tnaqqis propost fil-politiki tal-koeżjoni u l-agrikultura.
Itemm jgħid li fis-seba’ snin li ġejjin l-Ewropa trid li tagħfas fuq l-integrazzjoni, is-solidarjetà u l-bilanċ.
“Nilqgħu l-proposta li jirduppjaw il-fondi għall-Erasmus +” – EPP
Min-naħa tiegħu l-Partit Popolari Ewropew fil-PE (EPP), li tifforma parti minnu d-delegazzjoni Nazzjonalista ta’ Malta, qal li jilqa’ b’ferħ il-proposta li jiġu rduppjati l-fondi għall-Erasmus +.
Iċ-Ċermen tal-EPP, Manfred Weber, qal li l-fatt li l-Kummissjoni inkludiet il-proposta tagħhom li ż-żagħżagħ jivvjaġġaw b’xejn bit-trejn madwar l-Ewropa.
Madankollu qal li hemm bżonn jiġu diskussi aktar il-proposta ta’ 4% tnaqqis f’pagamenti diretti, u t-tnaqqis ta’ 5% u 7% fil-politika tal-agrikultura u l-koeżjoni, rispettivament.