Ippreparaw għal Brexit bla ftehim – negozjatur tal-UE

REUTERS/Francois Lenoir

Skont in-negozjatur prinċipali tal-Unjoni Ewropea għall-Brexit Michel Barnier qal li l-blokk għandu jipprepara għal Brexit bla ftehim (no-deal Brexit), anke jekk l-għan kien li jkun hemm ħruġ b’ċertu ordni.

L-Unjoni Ewropea (UE) kellha tkun preparata għal kollox, qal Barnier lil Deutschlandfunk, xandar Ġermaniż, inkluż xenarju ta’ no-deal. Qal li l-kwistjoni tal-fruntiera Irlandiża mal-Irlanda ta’ Fuq kienet punt sensittiv tan-negozjati. Jemmen li huwa possibbli li tinstab soluzzjoni.

Nhar l-Erbgħa, Barnier qal li l-UE  hija ppreparata li toffri lill-Brittanja relazzjoni bla preċedent mill-qrib wara li titlaq mill-blokka mingħajr ma tħalli din is-sitwazzjoni ddgħajjef l-uniku suq. B’seba’ xhur sakemm il-Brittanja titlaq mill-UE, iż-żewġ naħat għadhom qed jiddiskutu il-ftehim tad-divorzju.

L-uffiċjali qed jistennew dejjem aktar li l-iskadenza tiġi postposta b’mod informali minn Ottubru sa Novembru. Il-Ministru tar-Renju Unit  għall-Brexit, Dominic Raab, qal lil-leġiżlaturi li jinsab kunfidenti dwar il-ftehim għalkemm kien hemm xi miżura ta’ libertà fl-iskeda ta’ Ottubru.