Ippremjati tliet persuni li ħadmu Favur il-Ħajja

Persuni ppremjati għall-ħidma tagħhom Favur il-Ħajja

Tliet persuni Amerikani li jaħdmu Favur il-Ħajja, nhar it-Tnejn li għadda kienu ppremjati għall-ħidma tagħhom tul ħajjithom b’risq dan il-moviment.

Il-Premjazzjoni saret waqt  il-Konferenza Annwali Djoċesana Favur il-Ħajja f’Louisvile, fl-istat ta’ Kentucky.  L-unuri ta’ din is-sena marru għand Cheryl Jolley, Marian Desrosiers u Chuck Donovan.

Madwar 125 mexxejja djoċesan tal-gruppi Favur il-Ħajja attendew għal ikla li saret wara l-Konferenza u fosthom kien hemm ukoll l-Arċisqof Joseph Naumann, Chairman tal-Kumitat Favur il-Ħajja tal-Konferenza Episkopali Amerikana.

Dan il-Premju jirrikonoxxi lil dawk il-Kattoliċi li wieġbu għas-sejħa tal-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-Evangelium Vitae u ddedikaw lilhom infushom għal attivitajiet u ħidma Favur il-Ħajja u l-promozzjoni tar-rispett tad-dinjità umana.  Il-premju jingħata għall-kontribut sinjifikanti u fit-tul favur il-Kultura tal-Ħajja.

Cheryl Holley

Għal dawn l-aħħar 30 sena, Cheryl Holley ħadmet għall-għaqda bejn il-komunitajiet Favur il-Ħajja permezz ta’ ħidma ekumenika u multikulturali. Hi wkoll id-Direttriċi taċ-Ċentru Pastorali  Josephite kif ukoll membri fuq il-Bord tal-Gabriel Network li jaqdi nisa tqal u tfal f’Maryland u Washington DC.

Holley tgħid li l-hena tagħha hu meta taħdem ma’ teenagers tqal u tgħinhom jiksbu d-dinjità li tahom Alla. Temmen li l-edukazzjoni u t-tagħrif dwar l-imħabba bla qies ta’ Alla huma ċ-ċavetta biex ikunu eliminati l-abort u l-mard trasmess sesswalment. Dan wassalha biex tikkoordina żewġ konferenzi flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Washington, dwar is-sesswalità tal-mara u temi li jolqtu l-ħajja.

Chuck Donovan

Chuck Donovan hu l-President tal-Istitut Charlotte Lozier, li hu l-fergħa edukattiva u ta’ riċerka ta’ organiżazzjoni li tgħin politiċi li huma kontra l-abort. Għal 40 sena sħaħ, Donovan kien il-mutur tal-Moviment Favur il-Ħajja, bħala Direttur Leġislattiv tal-Kumitat Nazzjonali għad-Dritt tal-Ħajja, mexxa l-Kunsill ta’ Riċerka tal-Familja u co-Chair tal-Grupp għal-Libertà Reliġjuża tal-Heritage Foundation ta’ Louiseville.  Donovan hu wkoll kittieb prolifiku u kien ippremjati għad-dedikazzjoni tiegħu bla waqfien biex tkun żviluppata politika li tipproteġi d-drittijiet tal-kuxjenza u d-dritt tat-tarbija fil-ġuf.

Marian Desrosiers

Marian Desrosiers kienet premjata għas-servizz Favur il-Ħajja li tat bil-qalb fid-djoċesi ta’ River Fall.  Barra żmien li għamlet bħala Direttur Djoċesan Favur il-Ħajja, hi għamlet ukoll 25 sena tmexxi l-proġett djoċesan magħruf bħala Project Rachel Ministry li joffri kura pastorali lil individwi li kienu nvoluti f’xi abort. Illum, Marian Desoriers hi Direttur tal-Avvanzi fil-Bishop Connolly High School u tkompli tgħin nisa u tfal fil-Women’s Transitional Home ta-djoċesi tagħha.

Dawn it-tliet persuni li kienu pprenjati din is-sena jingħaqdu ma’ 34 persuna oħra li ħadu il-Premju Favur il-Ħajja mill-2007 ‘l hawn minn meta twaqqaf is-Segretarjat Favur il-Ħajja tal-Konferenza Episkopali Amerikana.