Ippremjati għadd ta’ vetturi antiki lokali

Wara għadd ta’ wirjiet ta’ karozzi antiki waqt l-attivita annwali tal-Federazzjoni Maltija għal Vetturi Antiki, magħrufa bħala l-FMVA Vintage Motor Festival, ġew ippremjati għadd ta’ dilettanti.
Il-festival kien jikkonsisti f’numru ta’ wirjiet f’erba’ pjazzez f’Għawdex u dawra b’veloċità konsistenti f’Malta. Dan il-festival kien imqassam fuq jumejn, nhar is-Sibt 11 u il-Ħadd 12 ta’ Marzu.
Waqt attività fl-Akwarjum Nazzjonali fil-Qawra, il-parteċipanti ngħataw premjijiet ta’ parteċipazzjoni, filwaqt li ġew imħabbra wkoll ir-rebbieħa.
Il-premju tal-ewwel post ingħata lil Dorian Micallef u Cecilia Mayo mill-Military Veihcle Club, filwaqt li Carmel Vella u Clive Calleja mill-Old Motors Club Malta klassifikaw fit-tieni post. Christopher Mifsud u Mark Anthony Camilleri, ukoll mill-Old Motors Club Malta, rebħu il-premju tat-tielet post.
 Min-naħa l-oħra, Anthony Camilleri, li pparteċipa bl-aktar karozza antika, ingħata l-ewwel rikordju.
 Fid-dawra b’veloċità kostanti, ħadu sehem 37 vettura, li ġew immanifatturati bejn l-1927 u l-1980.
Il-parteċipanti huma membri ta’ diversi clubs lokali li huma affilijati mal-Federazzjoni.