Ippjanat xogħol fuq 77 workshop fl-iskejjel sekondarji

Fis-sajf li ġej se jkun qed isir ix-xogħol fuq madwar 77 workshop ġdid fl-iskejjel sekondarji kollha biex fihom jiġu mgħallma s-suġġetti vokazzjonali u applikati.
Dan qalu s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri.
Huwa kien qed jitkellem waqt seminar bit-tema ‘Ippjanar u Twettiq’ flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u Segretarju Permanenti Ewlieni.
Matul is-seminar ġew diskussi l-miżuri li l-Ministeru jrid iwettaq biex ikompli jtejjeb is-sistema edukattiva f’Malta.
Fabri spjega kif fl-ewwel jiem ta’ din is-sena twaqqfet u bdiet tiltaqa’ Implementation Task Force biex jitwettaq il-ftehim settorjali li ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru.  
Fl-istess seminar, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ħabbar li fit-tliet snin li ġejjin se jintefqu €40 miljun biex is-Servizz Pubbliku jagħmel investiment qawwi fit-teknoloġija.
Spjega li l-għan ewlieni hu li jitneħħew is-silos fis-Servizz Pubbliku billi d-databases tal-Ministeru ma jibqgħux iżolati u jkun hemm trasferiment aktar faċli ta’ informazzjoni bejn id-dipartimenti. 
Ritratti: DOI – Jason Borg