Ippjanar għan-negozju fi żminijiet ta’ inċertezza

Ritratt: Chris Montgomery

L-ippjanar tan-negozju, fondi tal-UE u oħrajn għan-negozju, u ċertifikazzjoni tal-kwalità ISO huma tliet suġġetti li se jkunu ttrattati minn Dr Edward Firman waqt il-Malta BNI Business Briefing (BBB) ​​li jmiss. Dan se jkun jismu ‘Business planning for uncertain times’, u se jsir nhar it-Tlieta 20 ta’ Ottubru f’nofsinhar permezz ta’ zoom. Kull min hu involut fin-negozju hu mistieden li jattendi.

Is-serje BBB hi inizjattiva tal-Malta BNI. Din hi sensiela ta’ laqgħat onlajn permezz ta’ zoom. Il-Malta BNI tifforma parti mill-Business Networking International (www.bni.com). Din l-organizzazzjoni internazzjonali trawwem kollaborazzjoni aktar b’saħħitha bejn in-negozji u qed toħloq opportunitajiet kummerċjali ġodda speċjalment f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza. Il-Business Briefing ta’ nhar it-Tlieta se jsir minn Dr Edward Firman, ekonomista u accountant, li hu konsulent indipendenti tal-maniġment u li jiffoka fuq l-ippjanar tan-negozju, il-kisba ta’ fondi mill-UE, u ċertifikazzjoni tal-kwalità ISO. Edward ħadem għal diversi snin ma’ Unilever Ltd fir-Renju Unit u ma’ intrapriża kummerċjali ewlenija f’Malta bħala direttur tal-finanzi. Fl-2003, hu stabilixxa d-ditta ta’ konsulenza tiegħu, Dr Edward Firman & Associates. Din għenet diversi negozji f’għadd ta’ setturi, fosthom assigurazzjoni, turiżmu, manifattura, IT, ospitalità u servizzi legali, biex jifformulaw u jwettqu pjani strateġiċi ta’ negozju, jiksbu finanzjament mill-UE u minn sorsi oħra, u jiġu ċċertifikati bl-ISO. Dr Firman jagħti taħdidiet ukoll dwar dawn is-suġġetti f’diversi istituzzjonijiet akkademiċi.

Fil-preżentazzjoni tiegħu, Dr Firman se jkun qed jiffoka fuq l-aħjar għodda u metodi ta’ maniġment u finanzi disponibbli biex l-intrapriżi jkunu mgħejjuna jiksbu l-aqwa valur mill-pożizzjoni tagħhom u jidentifikaw it-triq ‘il quddiem f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Għal aktar tagħrif dwar dan l-avveniment, li hu bla ħlas, jekk jogħġbok ibgħat email lil Viviana Premazzi fuq viviana@gmdmalta.com jew lil David Bullock fuq david.malta.bni@gmail.com inkella Carmel Bonello carmelbonello2020@outlook.com #bnimalta #networking #business #malta

Il-pjattaforma ta’ netwerking ta’ negozju tal-BNI tipprovdi lill-membri tagħha mifruxa f’aktar minn 9,750 kapitlu madwar id-dinja bl-ambjent ideali, teknoloġija, taħriġ, u appoġġ biex tgħinhom jibnu negozji b’saħħithom. Malta BNI twaqqfet fl-2012. Illum għandha ħames kapitli attivi li bħalissa qed jiltaqgħu regolarment b’mod remot permezz ta’ zoom, filwaqt li qed tippjana li twaqqaf is-sitt kapitlu f’Malta. Il-viżitaturi jistgħu jattendu dan l-avveniment.

Dan it-tagħrif twassal minn BNI Malta.