Ipperikolat ir-rispett lejn il-liġi jekk il-korruzzjoni ssir normali – l-Ombudsman

protest-for-truth-and-justice-21
Miguela Xuereb

Read in English.

L-Ombudsman Parlamentari Anthony Mifsud fir-rapport annwali tas-sena 2019, qal li jkun ipperikolat ir-rispett lejn il-liġi jekk il-korruzzjoni ssir normali

Ir-rapport annwali kien ippreżentat lil-iSpeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia.

Anthony Mifsud iddiskriva l-2019 bħala sena ta’ taqlib li ġabet magħha diversi tibdiliet drastiċi fis-soċjetà ċivili, fl-amministrazzjoni pubblika u fil-Gvern. Fl-introduzzjoni tiegħu Mifsud qal li fl-2019 is-soċjetà ċivili kienet iktar ‘organizzata, voċifera u proattiva’ li waslet għal diversi riżenji.

F’Novembru 2019, l-eks Chief of Staff Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi rriżenjaw matul il-kriżi politika. Fl-istess żmien, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat kien ħabbar li se jirriżenja f’Jannar. Il-pajjiż niżel fit-toroq u kien beda jsejjaħ għal ġustizzja fil-konfront tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Mifsud żied li Malta kienet għaddejja minn perjodu ta’ kontradizzjonijiet. Huwa semma s-suċċess fil-qasam ekonomiku tal-pajjiż u l-benesseri materjali ġew għad-detriment tal-istandards morali u etiċi. L-għan tal-leġislazzjonijiet huwa li tkun imħarsa s-saltna tad-dritt u titrażżan il-korruzzjoni.

L-Ombudsman qal li s-saltna tad-dritt tista’ tkun preġudikata serjament jekk il-korruzzjoni ssir parti mill-ħajja ta’ kuljum. Żied li dejjem ikun hemm xi każijiet iżolati imma l-importanti li titneħħa t-tuffieħa l-ħażina.

L-istituzzjonijiet mhux ilaħħqu

L-Ombudsman Anthony Mifsud qal li jidher li l-istituzzjonijiet mhux ilaħħqu u hemm bżonn li tiżdied iktar it-trasparenza u kontabilità tal-amministrazzjoni pubblika.

Kompla li l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet għandhom funzjoni speċifika, dik li jżommu l-amministrazzjoni pubblika taħt skrutinju. Diversi istituzzjonijiet internazzjonali li jinkludu l-Kunsill tal-Ewrpoa, il-Kummissjoni Venezja u l-Moneyval fost oħrajn għamlu investigazzjonijiet u ordnaw li jsir tibdil radikali fejn irriżulta li l-istituzzjonijiet fallew.