Ippenalizza lil min jixtri s-sess – NCPE

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) ngħaqdet ma’ ħafna NGOs li qed jitolbu lill-Gvern biex jibqa’ jippenalizza lil min jixtri s-sess waqt li jiddikriminalizza lill-prostituti. Il-Kummissjoni Nazzjonali talbet dan fir-rakkomandazzjoni tagħha lill-Gvern dwar id-dokument ta’ konsultazzjoni għar-Riforma dwar it-Traffikar Uman  u l-Prostituzzjoni.

Il-prostituzzjoni għandha effetti negattivi

L-NCPE jidhrilha li l-punt ta’ tluq ta’ kwalunkwe riforma għandu jkun li l-prostituzzjoni għandha effetti negattivi ħafna, kemm fuq l-individwi involuti kif ukoll fuq is-soċjetà, u li kulħadd għandu jkun f’pożizzjoni li ma jkollux għalfejn jidħol fil-prostituzzjoni.

Hija tilqa’ ħafna mill-miżuri proposti fir-Riforma b’mod partikolari il-ħidma ta’ prevenzjoni, l-informazzjoni u t-tisħiħ tal-ligiijiet u s-sapport sabiex persuni joħorġu mill-prostituzzjoni. 

Għala għandu jkun penalizzat min jixtri s-sess?

L-NCPE issostni li il-prostituzzjoni għandha implikazzjonijiet differenti ħafna fuq in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà u li l-prostituzzjoni hija kkaratterizzata mill-poter u l-kontroll tal-irġiel fuq in-nisa, xi ħaġa li tirrifletti u ssaħħaħ soċjetà patrijarkali.

Il-Kumissjoni trid li x-xiri tas-sess ikun ippenalizzat għax  il-prostituzzjoni hija ċirku vizzjuż mimli bi vjolenza fiżika u psikoloġika, fejn iż-żieda fil-provvista toħloq iktar domanda u, għalhekk, iktar bżonn ta’ provvista,  bir-riżultat li l-pimps u t-traffikanti dejjem ifittxu u jisfurzaw iktar nisa biex jidħlu fil-prostituzzjoni.

Il-penalizzazzjoni ta’ min jixtri s-sess tkisser dan iċ-ċiklu għaliex tħarbat is-suq tas-sess, tgħid l-NCPE.

Nitgħallmu minn pajjiżi oħra

Il-Kummissjoni Nazzjonali tinnota li l-esperjenzi ta’ pajjiżi li llegalizzaw il-prostituzzjoni kienu, fil-biċċa l-kbira tagħhom, negattivi. Pereżempju, fl-Olanda u fil-Ġermanja, fejn il-prostituzzjoni ilha legali għal bosta snin, l-industrija tas-sess kibret bil-kbir filwaqt li l-isfruttament estrem tal-prostituti bl-ebda mod ma ġie indirizzat.

Min-naħa l-oħra, pajjiżi bħall-Iżvezja li kkriminalizzaw ix-xiri tas-sess kellhom, fil-biċċa l-kbira tagħhom, riżultati pożittivi bħal industrija tas-sess iċken u tnaqqis fit-traffikar uman. Pajjiżi oħra li kkriminalizzaw ix-xiri tas-sess jinkludu Franza, l-Irlanda ta’ Fuq, l-Iżlanda, l-Iżrael, il-Kanada, in-Norveġja u r-Repubblika Irlandiża. 

Barra minn hekk, tkompli l-NCPE, il-prostituzzjoni tippromwovi u tinnormalizza l-perċezzjoni li n-nisa huma oġġetti tas-sess, u għalhekk twassal għal iktar inugwaljanza bejn is-sessi u sterjotipi tal-ġeneru. 

Massage parlours

L-NCPE qiegħda wkoll tissuġġerixxi li jkun hemm regolamentazzjoni u infurzar fir-rigward tal-massage parlours u aġenziji tax-xogħol temporanju, sabiex ikun żgurat li dawn jintużaw għall-iskop dikjarat tagħhom u ma jservux ta’ faċċata għall-prostituzzjoni u/jew it-traffikar uman. Barra minn hekk, l-NCPE tgħid li strip clubs isaħħu l-inugwaljanza bejn is-sess u l-oġġettifikazzjoni tan-nisa.

Ara:

Il-prostituti jispiċċaw f’periklu jekk jitqiesu kriminali – Aditus u Integra

Il-prostituti m’għandhomx jiġu kriminalizzati; min jixtri s-sess iva – l-Arċidjoċesi

Il-prostituta għandha tiġi dikriminalizzata, il-prostituzzjoni le – Catholic Voices

Filmat: “Lill-vittmi tal-prostituzzjoni noffrulhom shower u ikel”