Ipparteċipa b’xejn fi kwiżis onlajn

Żewġ għalliema, Maria Laura Fenech u Ryan Caruana iddeċidew li joħolqu grupp tal-kwiżis onlajn ħalli ma jħallux daż-żmien jiddemoralizzana żżejjed. Għalkemm il-paġna jisimha Corokwiżż ngħidulkom li  dan mhuwiex xi kwiżż fuq il-Covid-19!

Għal dawn l-aħħar jiem, huma, flimkien ma’ numru mdaqqas ta’ ħbieb, fosthom anki Fabio Scicluna li ħoloq id-disinji, bdew iżommu appuntament regolari biex joħolqu u jieħdu sehem f’għadd ta’ kwiżis. Tant intlaqgħu tajjeb li issa ddeċidew li jdaħħlu lil dawk kollha li jħobbu l-kwiżis fil-borma wkoll! Isa, taqtgħux qalbkom! Faċli ħafna!

Kulma tridu tagħmlu hu li tagħfsu fuq il-ħolquli se nkunu qed nibagħtu f’dan il-grupp fuq il-paġna ta’ Facebook tal-grupp billi tagħfas hawn. B’hekk tirreġistraw u tipparteċipaw b’xejn. Ħafna mill-kwiżis se jkunu jikkonsistu minn mistoqsijiet fuq: Tagħrif Ġenerali, Arti u Kultura, Ġeografija, Sports, Storja u anke fuq il-lingwa Maltija.

Filwaqt li dawn se jkunu indirizzati l-aktar għaż-żgħażagħ u l-adulti, it-tfal jistgħu jieħdu sehem ukoll bil-għajnuna tal-kustodji tagħhom. Jekk ikollkom xi suġġerimenti, toqogħdux lura milli tibagħtulna. U anke jekk tagħmlu xi kwiżż intom, għax le, ibagħtuhulna ħalli nippruvawh!

Bejn wieħed u ieħor, il-kwiżis jinkludu 40 mistoqsija u kulħadd se jkun qed jilgħab kontra xulxin f’ħin partikolari li se jiġi mħabbar qabel. Min iwieġeb tajjeb jingħata l-punti u hemm ukoll punti addizzjonali għal min iwieġeb fl-iqsar ħin possibbli. Fl-aħħar nett kulħadd ikun jista’ jara f’liema pożizzjoni ġie fil-klassifika. Il-kwiżis idumu bejn 15-20 minuta.

Jekk tħobb il-kwiżis kun preparat biex illejla tieħu sehem int ukoll fis-7pm.