Ipokriti lura fuq TVM

Mit-Tnejn 29 ta’ Ġunju, mit-Tnejn sal-Ġimgħa fin-12.30pm, se tkun qed tasal lura fuq TVM l-ewwel soap opera Maltija, li kienet bdiet tixxandar oriġinarjament kienet ixxandret fis-6 ta’ Ottubru tal-1997. L-ewwel staġun kien jikkonsisti f’26 puntata. Tant kien mara tajjeb li wara nħadmu aktar staġuni.

L-ilbies u l-lussu kienu jagħmlu parti sostanzjali minn din il-produzzjoni li meta xandret l-ewwel darba kienet ġibdet eluf kbar ta’ telespettaturi.

Din is-sensiela kienet nibtet mir-radjuserial Mir-Razza tal-Irġulija ta’ Louis Buttigieg li ġiet addattata għat-televiżjoni minn Lino Grech, bi produzzjoni ta’ Hermann u Karl Bonaci, għal Bonaci Bros.

Il-ġrajja tiżvolġi madwar il-ħajja tal-familja ta’ Sander (Victor Grech) li jkunu jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Fil-cast hemm ukoll Karl Bonaci, Hermann Bonaci, Frida Cauchi, Romina Bonaci, Peter Borg, Etienne St. John, Rachel Portelli, Jurgen Bonaci, Duminku Attard, Ray Abdilla, Moira Muscat, Josephine Mahoney u Marica Mizzi.

Fl-istaġuni ta’ wara daħlu bosta atturi oħra magħrufa li kienu jinkludu lil Fabian Scerri De Carlo, Mary Grech, Jane Marshall, Ronald Saliba, Nadya Felice, Joe Gatt u Tanya Scicluna.