Ipokrezija – Salvu Felice Pace

Robert Abela
Miguela Xuereb

Minn Salvu Felice Pace

Ma nafx għaliex il-Prim Ministru Robert Abela bla ebda mistħija juża l-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista meta jkun qed jitkellem bħala Prim Ministru u mhux bħala Kap ta’ partit politiku. Issa saret drawwa. Irrid nistaqsi: Il-PL qed idaħħal flus b’dawn it-trażmissjonijiet? Il-poplu għandu dritt li jkun jaf.

L-intervista tal-aħħar Ħadd tibqa’ mfakkra għal U-turn dwar il-mewġ. Mid-dehra l-esperjenza tal-jott il-ġdid kienet waħda pożittiva għax issa qed jgħidilna li se jkollna ngħixu b’dawn il-mewġiet f’ħajjitna fuq l-art mhux biss għal xhur sħaħ iżda x’aktarx għal snin.

Fejn hi l-ipokrezija? Fir-risposti li ta lil Peppi Azzopardi dwar l-indħil tiegħu fl-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kważi tliet snin ilu. L-ewwel nett ħalli nfakkar li din l-inkjesta saret għax kien hemm l-insistenza tas-soċjetà ċivili u tal-familja tal-vittma tal-assassinju. Joseph Muscat għamel minn kollox biex ma ssirx u meta ma kellu l-ebda għażla, għax kellu dahru mal-ħajt, ħatar l-inkjesta b’bord li ma kienx aċċettabbli għall-familja ta’ Daphne. Imbagħad stipula li trid tieħu disa’ xhur. Issa aħna lkoll nafu li waqt l-ewwel mewġa tal-pandemija l-qrati kienu magħluqa.

L-ewwel punt huwa li l-Prim Ministru m’għandu l-ebda dritt li jindaħal f’din l-inkjesta għax is-suġġett tagħha huwa hu nnifsu ma’ dawk kollha li kienu parti mill-makkinarju tal-Istat, li huwa kull gvern ta’ liema kulur ikun. U meta ftit tal-ġranet ilu l-Prim Ministru għamel kummenti bi kritika lill-Imħallfin żgarra bl-ikraħ għax kien qed jindaħal f’dak li mhux kompitu tiegħu. L-indħil tiegħu qajjem ir-rabja ta’ Glenn Bedingfield li ġġudika l-Bord tal-Inkjesta billi allega motivi ulterjuri lilhom.

Imma l-Prim Ministru mingħalih ħareġ minn din il-kobba billi qal lil Peppi li l-motivi tiegħu kienu li jara li l-inkjesta tispiċċa sa Diċembru biex ikun jista’ jaġixxi fuq dak misjub u dan l-episodju jingħalaq.  Ried ir-riżultat tal-inkjesta f’idejh malajr kemm jista’ ħalli jkun jista’ jaġixxi. Dan l-episodju jista’ jingħalaq biss meta toħroġ il-verità kollha u l-uniku mod biex dan jista’ jsir hu li nħallu l-Inkjesta tieħu ż-żmien li għandha bżonn u mhux b’attitudni ta’ Abela li jiddetermina termini ġodda għall-istess inkjesta.

Xhur ilu l-Prim Ministru kien wiegħed li kien se jaġixxi dwar il-kuntratt tal-bejgħ ta’ tliet sptarijiet Maltin lil Vitals. Naħseb li s’issa għandu r-rapporti kollha f’idejh u jekk le, għax le?  Ma rajna l-ebda progress f’dak il-każ, U dwar il-kuntratti tal-Electrogas ħareġ bizzejjed fil-pubbliku dwar l-imbrolji biex il-Prim Ministru almenu jagħmel stqarrija biex iserraħ ras il-poplu. U r-rapport tal-Inkjesta dwar l-Egrant ilu li ħareġ fil-pubbliku u nafu li hemm rakkomdazzjonijiet biex almenu persuna waħda tittella’ l-qorti fuq possibilment ġurament falz. Għala l-ebda azzjoni? Il-Prim Ministru jew irid jgħaddi ż-żmien bina jew irid iqarraq. Għandu bizzejjed x’jagħmel dwar dawn l-iskandli. Naturalment ix-xħieda li qed tinstema’ fl-Inkjesta dwar Daphne qed theżżeż il-pedamenti ta’ Kastilja u qed toħloq probleti strateġiċi dwar meta jkun konvenjenti għalih li jsejjaħ elezzjoni ġenerali.

Fl-intervista l-Prim Ministru ħarbitlu kritika dwar Bernard Grech għax ġie kkwotat li qal li ‘Malta is not full’, meta Abela qed jgħid lil kulħadd li Malta hija mimlija u m’hawn wisgħa aktar għal ħadd iżjed. U dan meta l-istess Gvern ta’ Muscat u ta’ Abela jibqgħu jinsistu li għandna bżonn ta’ ħafna ħaddiema oħra mill-Ewropa u minn barra l-Ewropa. Naħseb l-iskop tiegħu kien aktar li jagħti palata lil Adrian Delia.

Qed nikteb din l-ittra meta qed isir l-appell tal-Malta Community Chest Fund, jalla l-appell ikun suċċess. Iżda mhux ironija li rajna l-mara tal-President tittallab meta mix-xhieda dwar Daphne sirna nafu li Konrad Mizzi ta €40 miljun ewro lin-negozjanti miljunarji Maltin u barranin u  €8 miljuni oħra lil Steward li daħlu biex suppost jagħmlu dak li ma kinux wettqu l-Vitals. €48 miljun mingħandi u mingħandek li kienu jpoġġu lil Community Chest Fund  fuq bażi finanzjarja soda u mhux ikollha tikkompeti ma’ kawżi oħra ġusti ta’ karità li minħabba l-pandemija mhux qed ikopru. Hawn ukoll tidħol l-ipokrezija!