IOM u l-UNHCR jappellaw biex l-immigranti jitniżżlu l-art

Twitter / Sea Watch

Read in English.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) u l-Aġenzija għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) qegħdin jappellaw sabiex isir l-iżbark ta’ aktar minn 400 immigrant u refuġjat li ġew salvati u jinsabu fuq tliet bastimenti fiċ-ċentru tal-Mediterran madwar Malta.

Is-Sibt waranofsinhar wieħed mill-bastimenti Louise Michel irraporta li l-Gwardja tal-Kosta Taljana ħadu 49 persuna salvati li kienu l-aktar vulnerabbli abbord il-bastiment. Huwa rrapurtat li minn tal-inqas erba’ persuni tilfu ħajjithom.

Il-bastiment tal-merkanzija Maersk Etienne ilu fl-ibħra Maltin aktar minn tliet ġimgħat. Abbord hemm 27 persuna li minnhom hemm persuna tqila u tfal. Il-UNHCR u l-IOM insistew li din hija inaċċettabbli u appellaw biex il-bastiment jiddaħħal f’port sigur biex isir l-iżbark.

Abbord il-bastiment Sea Watch 4 hemm madwar 200 persuna oħra li ġew salvati.

Il-UNHCR u l-IOM qalu li huwa kruċjali li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea juru s-sapport tagħhom lill-pajjiżi li qed jilqgħu lill-immigranti u r-refuġjati fil-Mediterran. Żiedu li għandu jkun hemm solidarjetà li għandha titwera billi jkun hemm rilokazzjoni kif ukoll li jgħinu fil-proċess sabiex ikunu identifikati persuni li għandhom bżonn protezzjoni.